Koppja qablu li ż-żwieġ tagħhom għandu jiġi annullat minħabba li fost affarijiet oħra m’għadhomx intimu għal xulxin iżda l-Imħallef Robert Mangion li sema’ t-talba, ma qabilx, anzi kellu ħsibijiet differenti fejn qal li mill-provi mressqa quddiemu ma jirriżultax li l-kunsens ta’ xi naħa nkiseb bl-esklużjoni taż-żwieġ innifsu.
Huwa qal li meta r-raġel u l-mara żżewġu kellhom 30 sena u ta’ din l-età persuna hija meqjusa matura biżżejjed biex tifhem il-konsegwenzi taż-żwieġ.
Il-mara minn naħa tagħa qalet fil-Qorti tal-Familja kif hija u ħewġha tant ma ridux li jkunu intimi lejn xulxin, li t-tifel kienu jraqqduh f’nofshom biex żgur ma jiġri xejn. Il-koppja żżewġet biċ-Ċivil fl-2005 u tul is-sitt snin li damu flimkien kellhom lit-tifel. Huma ma baqgħux jgħixu flimkien fl-2011 u sena wara kisbu s-separazzjoni.
Il-mara riedet l-annullament u żewġha qabel ma’ dan iżda ma kienx ta’ l-istess fehma l-Imħallef Robert Mangion li sema t-talba. Fl-affidavit li ppreżentat, il-mara qalet li hija bdiet toħroġ mar-raġel xahrejn wara li ħassret minn relazzjoni ta’ ħames snin li fiha kellha kollox ippreparat għat-tieġ.
Hija ammettiet li għaliha ż-żwieġ kien mezz biex issolvi l-problemi li kellha peress li kienet imdejjqa fid-dar ta’ missierha minħabba li kien ikollha argumenti miegħu ta’ spiss u ma kinietx tifhmu. Skont hi, missierha kien ibati minn ‘obsessive compulsive disorder’ u dan il-fatt spiċċa biex waqqagħha f’dipressjoni.
Il-mara qalet li lil żewġha qaltlu li ma kinietx tħobbu u sostniet li wara li żżewġu huwa qalilha li kien ħa dan il-pass kemm għax kien tħassarha kif ukoll għax ried tarbija akkost ta’ kollox. Hija iddeskrivit lil żewġha bħala “charmer”, u “flirter”, li jagħti ħafna kunfidenza lin-nisa, li kien ifittex l-attenzjoni, addict għall-Facebook u li ma kienx kapaċi jidħol f’rabta ma’ persuna waħda.
Dejjem skont hi, il-problemi bdew qabel iż-żwieġ u li ż-żwieġ tfarrak meta huwa ammetta li kien qed jorqod ma’ persuna oħra. Għalkemm marru għall-counselling għand il-Moviment ta’ Kana, ħajja intima ma kellhomx u rari kien ikollhom x’jaqsmu flimkien tant li kienu jraqqdu lit-tifel fis-sodda magħhom biex ma jkunux intimi.
Ir-raġel għażel li ma jixhidx f’din il-kawża imma ddikjara li jaqbel ma’ martu li ż-żwieġ ta’ bejniethom kellu jiġi dikjarat null. L-Imħallef Mangion imma kellu ħsibijiet differenti fejn qal li mill-provi mressqa quddiemu ma jirriżultax li l-kunsens ta’ xi naħa nkiseb bl-esklużjoni taż-żwieġ innifsu.
Huwa qal li meta r-raġel u l-mara żżewġu kellhom 30 sena u ta’ din l-età persuna hija meqjusa matura biżżejjed biex tifhem il-konsegwenzi taż-żwieġ. Mill-provi mressqa ma jirriżultax li xi ħadd mill-partijiet kien qed ibati minn inkapaċità psikika li kienet qed timpedixxi lil xi ħadd minnhom milli jagħraf u jiddeċiedi b’mod liberu fuq il-kunsens matrimonjali.
Huwa qal li kien tal-fehma li meta ż-żewġ partijiet kienu qed jagħtu l-kunsens tagħhom kienu jafu xi tfisser il-ħajja miżżewġa u x’inhuma d-dmirijiet u d-drittijiet. “Mhux biżżejjed għall-finijiet ta’ annullament taż-żwieġ l-infedeltà waqt iż-żwieġ.
Sabiex żwieġ jiġi dikjarat null jeħtieġ li ssir prova li bil-komportament tiegħu qabel iż-żwieġ il-konvenut (ir-raġel) kien qed jeskludi li jassumi l-obbligi ta’ raġel miżżewweġ. Talli prova f’dawn l-atti ma saritx”. Kien għalhekk li l-Imħallef Mangion ċaħad it-talba tal-mara għall-annullament.


