Lokali

Kundanna għall-pressjoni li l-Gvern qed jagħmel fuq l-ogħla Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija

Il-Partit Nazzjonalista kkundanna bil-qawwa l-pressjoni li qed jagħmel il-Gvern fuq l-ogħla Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija bl-addendum li s-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern iffirmaw bil-moħbi l-Erbgħa li għadda. Dan qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Berġa ta’ Kastilja. L-addendum jgħid li l-Kummissarju, Deputat Kummissarji u Assistent Kummissarji tal-Pulizija se jkunu soġġetti għal sistemi bbażati fuq il-performance tagħhom.

Jason Azzopardi qal li dan il-pass, li ġie kkritikat u sar minn wara dahar l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija (MPA), hu ħolqa f’katina ta’ azzjonijiet li bihom il-Gvern qed inawwar is-saltna tad-dritt u jneħħi s-serħan il-moħħ taċ-ċittadini onesti fil-kamp sensittiv tal-Pulizija. Żied li wara t-theddida gravi u bla preċedent tal-Ministru Manwel Mallia fil-Parlament, meta hedded li jeħodha kontra min jirrapporta l-abbuż minflok kontra min jabbuża, issa l-Gvern ġab lill-ogħla Uffiċjali tal-Pulizija f’sitwazzjoni fejn dawn iridu jżommu f’moħħhom li l-kuntratt tax-xogħol tagħhom jiddependi mill-Ministru.

Jason Azzopardi sostna li bħall-MPA, l-Oppożizzjoni tisħaq li dan il-pass jimmina l-indipendenza, l-integrità u l-awtonomija tal-Pulizija.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet ħadet sehem ukoll il-kandidata ġdida tal-PN Alessia Psaila Zammit. Qalet li dan l-addendum ifisser li l-ogħla karigi tal-Korp huma suġġetti għall-eżami mill-Ministru għax dan il-pass ifisser li biex wieħed jibqa’ fil-kariga jrid jgħaddi mill-performance test li jgħamillu l-Ministru. Staqsiet kif l-ogħla Uffiċjali tal-Korp jistgħu jkunu komdi u awtonomi jieħdu passi jew jinvestigaw każi li jistgħu jinvolvu lill-Gvern meta l-kariga għolja tagħhom tiddependi minn deċiżjoni tal-Ministru tal-Gvern.

Alessia Psaila Zammit qalet li dan il-pass mhu xejn ħlief wieħed li jnaffar il-prinċipji tal-awtonomija u t-trasparenza. Sostniet li l-Ministru Mallia qed jagħmel dan kollu bil-barka ta’ Joseph Muscat, filwqt li appellat biex il-Prim Ministru jirtira dan il-pass.