James Vella ta’ 33 sena minn Ħal Qormi u Christopher Scerri ta’ 35 sena mill-Pietà, akkużati bil-qtil tal-messaġġier tal-BOV li seħħ fit-18 ta’ Settembru 2000, ingħataw il-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €32,000 u garazija personali ta’ €30,000.
Vella magħruf bħala l-Frejżer u Scerri, mlaqqam Gażżetti jew Buttuni jinsabu akkużati li għall-ħabta tal-5.30 a.m. huma kienu qatlu lil Alfons Ferriggi f’San Ġwann wara li dan kien intlaqat minn tir t’arma tan-nar. Żewġt irġiel oħra, Joseph Zammit u Richard Grech, qed jiskontaw sentenza l-ħabs fuq dan il-każ.
Vella u Scerri ingħataw il-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li ma joħorġux mid-dar bejn it-8.00 a.m. u t-8.00 p.m. u li jridu jiffirmaw l-għassa tal-Pulizija bejn it-8.30 a.m. u s-7.30 p.m., Vella f’dik ta’ Ħal-Qormi u Scerri f’Tas-Sliema.
Fil-kumpilazzjoni tat-Tnejn xhedet is-sieħba ta’ Richard Grech, li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni ta-Qorti. Hija qalet li dak il-lejl ta’ bejn l-14 u l-15 ta’ Settembru hi u s-sieħeb tagħha kienu d-dar meta fl-4.00 ħabbat il-bieb tad-dar. Grech niżel jiftaħ fejn kien hemm Vella, Scerri u Zammit li bdew jinsistu biex Grech immur magħhom.
Hi saħqet li ppruvat twaqqafhom u wieħed minnhom imbuttaha tant li weġġgħet is-sinsla ta’ daharha, li għadha tbati biha sal-lum il-ġurnata. Hi stqarret li s-sieħeb tagħha ġie wara siegħa u meta kienu qed jaraw l-aħbarijiet flimkien raw li qatlu raġel, dak il-ħin Grech qal “possibli qatluh? Lanqas kont naf li kellhom arma.” Fil-qorti hi qalet li s-sieħeb tagħha qiegħed il-ħabs għalxejn għax “Żeppi qaddis u mhux qattiel”.
Ferriggi, kien inqatel meta kien qed jiddepożta xi dokumenti tal-bank meta l-aggressuri ħasbu li kien qed jiddepożita flus kontanti. Mill-provi kien irriżulta li l-vittma kellu nofs wiċċu mtajjar b’tir sparat lejh.
//= $special ?>
