Internazzjonali Knisja

L-Isqof Magro jirrakkonta l-esperjenza ta’ tensjoni f’Bengażi

Wara li ħeġġet għall-evakwazzjoni mill-port ta’ Bengażi, l-Armata Libjana bdiet bl-attakki tagħha kontra l-militanti Iżlamiċi bl-iskop li tqaċċat lill-estremisti ‘l barra mit-tieni l-akbar belt fil-Libja.

MaltaRightNow.com ghamel kuntatt mal-Isqof Malti f’Bengazi Monsinjur Silvestru Magro li bħalissa qed jgħix żmien ta’ tensjoni flimkien mal-komunita’ nisranija f’din il-belt Libjana.

Tkellimna mal-Isqof Magro ftit minuti wara li ġie evakwat seba’ mili ‘l bogħod minn fejn qed iseħħ il-ġlied, lejn post ħieles mill-periklu, għalkemm fl-isfond qed jisma’ l-isparar. Mistoqsi dwar jekk il-gruppi Iżlamiċi humiex fil-qrib, l-Isqof Magro wieġeb fin-negattiv. Madankollu l-Isqof Magro qal li fix-xhur li għaddew, il-komunita’ nisranija kienet xi ftit jew wisq qrib il-militanti imma b’xorti tajba ma ġietx f’kuntatt mal-estremisti.

L-Isqof Magro stqarr li m’għandu ebda pjan li jiġi lejn Malta.

L-Isqof Malti f’Bengażi qal li fiż-żona fejn jinsab hu m’hemm ebda preżenza ta’ suldati jew vetturi militari, għajr ċittadini Libjani u ħaddiema insara minn pajjiżi differenti li qed jgħinnu lill-poplu Libjan residenti f’Bengażi.

L-Isqof Silvestru Magro qal li hu s’issa ma ra ebda forza leali lejn l-eks General Haftar, li qed jistinka biex jeradika lill-militanti Iżlamiċi, mhux biss minn Bengażi, imma possibbilment mil-Libja.

Il-grupp militanti Ansas al-Sharia ħarab miż-żona wara li l-armata Libjana ħatfet żoni oħrajn fil-belt.

Ġlied bejn l-Armata Libjana, li hi appoġġjata minn forzi leali lejn l-eks-Ġeneral, u gruppi Iżamiċi fil-Lvant tal-belt, qatlu aktar minn 230 persuna mindu bdiet l-aħħar offensiva tal-armata. Barra minn hekk, wieħed mill-isptarijiet prinċipali għat-twelid tat-trabi, kien evakwat u ċċaqlaq lejn post ieħor.