Lokali

L-MDA bi kritika lejn il-Gvern

Il-Malta Developers Association ma tistax tifhem kif għadha ma twettqitx il-miżura li tħabbret fid-Diskors tal-Baġit tas-sena li għaddiet u li permezz tagħha kellha tinbidel is-sistema li biha d-Dipartiment tat-Taxxi Interni jibgħat il-perit tiegħu biex jistma’ l-valur tal-proprjetà wara li jkunu saru kuntratti ta’ bejgħ.

Fi stqarrija l-MDA qalet illi s-sitwazzjoni attwali hi li minkejja li ġimgħatejn oħra l-Gvern sejjer jippreżenta Baġit ieħor għas-sena d-dieħla, is-sistema li suppost tbiddlet baqgħet għaddejja għal sena sħiħa oħra bl-inġustizzji li din iġib magħha għal min jixtri jew ibiegħ proprjetà.

L-MDA kienet mgħarrfa li l-abbozz tal-Avviż Legali li bih kellha tittieħed din il-miżura ilu ippreparat xhur, iżda dan għadu mhux approvat għal pubblikazzjoni minħabba xkiel burokratiku. Dan, skont l-MDA, huwa ta’ tħassib kbir meta suppost li hi l-politika dikjarata tal-gvern preżenti li jelimina kull xkiel burokratiku li qed itellef ir-ritmu tal-progress ekonomiku li kulħadd jixtieq li jkollna fil-pajjiż.

L-MDA għalhekk qed tappella lill-Ministru tal-Finanzi biex iwettaq dak li wiegħed fid-Diskors tal-Baġit tas-sena li għaddiet u jikkonsidra dan il-pass bħala wieħed ta’ prijorità immedjata.