Lokali Parlament

Ma jgħidx kif saru l-impjiegi fil-Ministeru

Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech ma tax l-informazzjoni mitluba fil-Parlament dwar  kemm mill-ħaddiema li ġew impjegati mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu, ġew minn entitajiet pubbliċi u mill-privat, jew kienu qegħdin ifittxu xogħol.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Parlament, Mario de Marco, staqsa lid-Deputat Prim Ministru, responsabbli mill-Affarijiet Ewropej u Manifest Elettorali,  jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu, inkluż dipartimenti tal-Gvern, entitajiet pubbliċi u awtoritajiet wara d-9 ta’ Mejju 2013, u kemm minn dawn il-ħaddiema ġew minn entitajiet pubbliċi u kemm ġew mill-privat jew kienu qegħdin ifittxu xogħol.
Louis Grech wieġeb biss parti mill-mistoqsijiet li sarulu, u qal li n-numru ta’ impjegati fl-entitajiet (eskluż is-Segretarji Privati)  li jiffurmaw parti minn dan id-dekasteru, inkluż l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, l-Information Management, il-Corporate Services Directorate, il-Policy Development and Implementation Directorate,  il-Planning and Priorities Co-ordination Division, il-Funds and Programmes Division, l-EU Secretariat u r-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea, kien ta’ 204 f’Mejju tal-2013, u llum jammonta għal 222.

Id-differenza, spjega d-Deputat Prim Ministru, hija dovuta għal tisħiħ ta’ strutturi amministrattivi u funzjonijiet oħra.