Qorti

Missier u żewġ uliedu ħatja li ġġieldu mal-Pulizija wara li twaqqalhom bini llegali

Carmelo Dimech, ta’ 55 sena, u ż-żewġt uliedu Ludwig u Melchior, ta’ 31 u 32 sena rispettivament, ingħataw sentenza sospiża wara li nstabu ħatja li ġġieldu mal-Pulizija u ma ħallewx Uffiċjali tal-MEPA jaqdu dmirhom meta marru biex iwaqqgħu t-tieni sular ta’ binja llegali fi Triq l-Imdina f’Ħaż-Żebbuġ. Din il-binja kellha tinżamm magħluqa kważi l-ġurnata kollha minħabba azzjoni tal-MEPA, li marret biex twaqqa’ bini illegali li ttella’ mill-Awtorità dwar it-Trasport Pubbliku.

L-azzjoni mill-MEPA kienet saret fl-24 ta’ Jannar 2007, anke jekk dakinhar sid il-post Charles Dimech allega li l-bini li marru biex iwaqqgħu sar mill-ADT biex il-Gvern ilesti malajr Triq l-Imdina. Dakinhar filgħodu, l-Pulizija mill-Administrative Law Enforcement (ALE), immexxija mill-Ispettur Alex Miruzzi, marru fis-sit flimkien ma’ tliet Ufficjali tal-MEPA biex jaraw li tkun eżegwita l-ordni tat-twaqqigħ ta’ struttura fuq il-garaxx LK Ltd. Mill-bidunett deher li kien se jkun hemm reżistenza, tant li fi ftit ħin kienu ssejħu aktar Pulizija.

Minbarra li ma ħalliex Uffiċjali tal-MEPA jaqdu dmirhom, Ludwig Dimech kien mixli wkoll li waqt il-ġlieda gidem f’sidru lill-Assistent Kummissarju Josie Brincat. L-istorja kibret meta l-Pulizija, armati bi krejn u għadd ta’ trakkijiet u akkumpanjati minn membri tal-Armata, marru fis-sit biex iwaqqgħu l-bini, li kien għadu fi stat ta’ kostruzzjoni. Hekk kif is-sid u membri tal-familja ndunaw x’kien qed jiġri, ipparkjaw numru ta’ trakkijiet minn tagħhom u niżżlulhom t-tyres biex ma jħallux ix-xogħol isir.

L-argumenti u l-ġlied laħqu l-qofol tagħhom meta l-Pulizija ppruvaw ineħħu trakk mill-post u jipprevenu li l-materjal li kien qed jaqa’ waqt it-twaqqigħ milli jaqa’ fuq it-trakk. Dak il-ħin, Melchior Dimech mar taħt wieħed mi-trakkijiet biex ma jħallix lill-Pulizija jmexxu l-vettura. Hawn, il-ġlied eskala u l-Pulizija kellha tuża’ l-forzi biex tneħħi lill-familja Dimech min-nofs.

Il-Qorti qalet li mill-provi rriżulta li l-membri tal-familja Dimech ipprotestaw bil-qawwa kollha kontra l-azzjonijiet li kienu qed jittieħdu meta qalu li s-sit kien mibni lilhom mill-Awtorita’ tat-Trasport bħala kumpens ta’ propjetà li ġiet espropjata ħalli ssir triq ġdida meta kienu se jaslu l-Kapijiet tal-Commonwealth. B’dawn l-ispjegazzjonijiet, anke jekk qalet li d-drittijiet li wieħed jippretendi ma kellhiex tkun skuża għal dak li għamlu t-tliet membri tal-familja Dimech, il-Maġistrat Audrey Demicoli ikkundannat lil Carmel u Melchior Dimech għal sena ħabs sospiżi għal sentejn, filwaqt li Ludwig Dimech intbagħat 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li fejn is-soltu l-MEPA tqabbad kuntrattur biex juża’ l-inġenji tiegħu ħalli jitwaqqa’ bini illegali, jidher li dakinhar ma nstab ħadd tant li l-MEPA daret fuq il-Forzi Armati u l-Korp tal-Pulizija biex ineħħu l-istruttura. Uffiċjali tal-MEPA preżenti għal-laqgħa, biex il-pożizzjoni tal-garaxx ta’ Dimech tiġi regolarizzata u bħala kumpens tat-teħid tal-art, kellhom jaraw li jinħareġ permess għas-sular ta’ fuq. L-Avukat Michael Sciriha deher għall-familja Dimech.