Lokali

Muscat jinqabad f’gidba oħra, dwar il-finanzjament tal-partiti – il-PN

Wara sensiela ta’ gideb fis-settur tal-enerġija, issa l-Prim Ministru Joseph Muscat inqabad jigdeb anke fuq il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti. Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija wara li lbieraħ filgħodu, Muscat għażel li jitkellem dwar din il-Liġi fil-Każin Laburista ta’ Ħal Għaxaq, li hu wieħed mill-Każini li l-Partit ta’ Muscat akkwista b’abbuż ta’ propjetà li ma kinitx tiegħu.

Fid-diskors tiegħu, Muscat gideb meta qal li l-PN jrid li jitħallas il-valur tal-proprjetajiet li għandu l-PL u li huma misruqa mingħand il-Gvern u mingħand il-privat. Dan mhux minnu. Il-pożizzjoni tal-PN hija ċara: il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti għandha tidħol fis-seħħ b’level playing field għall-partiti kollha u wara li l-PL jagħti lura l-propjetajiet kollha li seraq matul is-snin.

Il-PN fakkar kif il-Partit ta’ Muscat għandu total ta’ 28 binja li qed juża’ bħala Każini u li huma misruqa f’Malta u f’Għawdex, flimkien ma’ diversi artijiet u propjetajiet oħrajn. Sostna li l-akbar gidba ta’ Muscat hi li hu jħalli f’idejn il-Qorti biex tiddeċiedi dwar il-propjetajiet. Muscat ma jistax jitwemmen meta jagħmel din id-dikjarazzjoni, qal il-PN, ftit xhur biss wara li bil-kappell ta’ Prim Ministru, Muscat stess waqqa’ kawża kontrieh stess bil-kappell ta’ Mexxej Laburista.

Dakinhar, il-PL ingħata rigal ta’ aktar minn €10 miljun fl-art tal-Australia Hall f’Pembroke u l-madwar. Għaldaqstant, Muscat għandu jieqaf jigdeb minnufih, temmet tgħid l-istqarrija.