Għal Ivan Falzon, li ftit jiem ilu l-Gvern ħabbar fi stqarrija li ħatru bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Isptar Mater Dei, din il-kariga hi t-tielet waħda f’sena u nofs ta’ Gvern Laburista. Madankollu, ħafna fl-Isptar Mater Dei qed jistaqsu dwar xi kredenzjali għandu dan l-eks Kunsillier Laburista fil-Qala Għawdex biex tqabbad imexxi sptar, b’mod partikolari l-esperjenza fil-qasam mediku.
Fil-fatt, minn stħarriġ li għamel MaltaRightNow.com, ma jirriżulta minn imkien li Falzon ġej mill-qasam mediku u għalhekk m’għandu l-ebda kwalifika fis-settur. Jirriżulta li qabel ma kien elett fil-poter il-Partit Laburista, Ivan Falzon kien ħaddiem tal-Air Malta, fejn kien jaħdem bħala Skrivan. Mill-informazzjoni li għandna jidher li hu ħa s-somma malli tela’ l-PL fil-Gvern u spiċċa mil-linja nazzjonali tal-ajru.
Dakinhar, hu kien mar jaħdem fis-Segretarjat Privat ta’ Franco Mercieca, li kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari fil-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat. Falzon kien ġie ngaġġat bħala Chief of Staff ta’ Mercieca, li kien u għadu qrib ħafna tiegħu. Meta Franco Mercieca spiċċa mill-kariga tiegħu, il-Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi ħa lil Falzon bħala Konsulent fuq il-qasam tas-Saħħa, minkejja li ma kellu l-ebda.
Hu baqa’ jżomm din il-kariga sakemm laħaq Deputat Kap Eżekuttiv u eventwalment Kap Eżekuttiv ġdid tal-isptar ewlieni tal-Gvern f’pajjiżna.
Aktar riċerka turi li Ivan Falzon hu wieħed mill-aktar kanvassers qrib ta’ Franco Mercieca, elett fuq id-distrett ta’ Għawdex. Bejn l-2001 u l-2007, hu għamel żmien membru fil-Kunsill Lokali tal-Qala f’isem il-PL, kif ukoll li għal xi żmien kien imexxi il-Każin Laburista fil-lokal. Fit-tmexxija ta’ Mater Dei, Falzon qed jieħu post Joe Caruana, li kienu ilu jservi f’din il-kariga għal dawn l-aħħar tliet snin u nofs.
//= $special ?>