Koppja li serqet għadd ta’ kaxxi tad-donazzjonijiet u li wettqet numru ta’ serqiet oħrajn ġew ikkundannati 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin, filwaqt li tpoġġew ukoll taħt probation għal tliet snin. Sandra Grixti, ta’ 26 sena miż-Żurrieq u Christian Said, ta’ 31 sena mill-Fgura, it-tnejn ma jaħdmux, ammettew li serqu l-kaxxi tad-donazzjonijiet u li wettqu serq ieħor fuq perjodu ta’ tliet xhur.
Minbarra sentenza sospiża, il-Maġistrat Gabriella Vella ordnat li Said jerġa’ jiġi arrestat u kkundannatu xahrejn ħabs talli kiser il-kundizzjonijiet mogħtija lilu mill-Qorti. Ordnatlu wkoll iħallas is-somma ta’ €5,000 bħala garanzija personali li kellu biex jingħata l-ħelsien mill-arrest dwar każ ieħor. Il-Qorti rriżultalha wkoll li Said għandu problema akuta tat-teħid ta’ droga. Il-koppja kienet arrestata wara li t-Tlieta li għadda serqu kaxxa tad-donazzjonijiet minn banka tal-lottu u ħarbu mill-post. Il-kaxxa tad-donazzjonijiet kellha fondi li kienu qed jinġabru għall-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu.
Fil-ġurnata ta’ qabel, huma serqu kaxxa tad-donazzjoni tal-Inspire, filwaqt li ġurnata qabel serqu handbag li kien fih il-flus u ktieb taċ-ċekkijiet minn ħanut tal-laħam fil-Kalkara. Huma ammettew ukoll li fit-22 ta’ Ottubru li għadda serqu kaxxa oħra tad-donazzjonijiet minn ħanut f’Ħaż-Żabbar, li kienet għall-Breast Cancer Awareness Group, filwaqt li fit-13 ta’ Ottubru serqu wkoll ammont ta’ flus kontanti minn karozza tat-tip Mercedes, li kienet ipparkjata f’Ħaż-Żabbar.
Huma serqu wkoll kaxxa tad-donazzjonijiet mingħand il-fond tal-missjoni f’ħanut li jinsab f’Birkirkara, u kaxxa oħra tad-donazzjonijiet tal-“Inspire” minn ħanut u dan siegħa wara.
L-Ispetturi Josric Mifsud, Joseph Mercieca u Roderick Agius mexxew il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukati Noel Bianco, Silvio Brincat u Yanika Bugeja deheru għall-koppja.


