Futbol Sport

Tarxien 1 – 1 Floriana

Tarxien Rainbows u Floriana skorjaw gowl kull wieħed fl-ewwel taqsima u ikkuntentaw biss b’punt, f’partita li fiha ż-żewġ naħat ftit li xejn kellhom entużjażmu biex jirbħu.

Għal Tarxien irritornaw l-erba’ plejers li kienu sospiżi kontra Qormi. Bejn il-lasti, il-kowċ Clive Mizzi utilizza r-raba’ gowlkiper differenti dan l-istaġun, wara li kellu lil Sean Cini sospiż u lil Jonathan Debono mweġġa’. B’hekk għalihom iddebutta Sean Mintoff, li ġietu l-okkażjoni li juri x’jaf kontra t-tim li beda miegħu dan l-istaġun u rrilaxxah wara l-ewwel partita.

Floriana kellhom lil Matteo Picciollo sospiż, għalkemm Samb Amadou prova jimla l-vojt tat-Taljan b’ħafna moviment fl-attakk Furjaniż. Kien proprju s-Senegaliż li resaq l-ewwel qrib, meta minn freekick ta’ Pisani, kkonkluda ftit barra bir-ras.

Tarxien rrispondew minn azzjoni bejn iż-żewġ Brażiljani tagħhom. Pipico għadda l-ballun lill-iżmarkat Branquinho, li minn pożizzjoni ideali kkonkluda f’Senatore li salva f’korner. Floriana marru minn fuq man-nofs siegħa logħob. Minn pass ta’ Pisani, SAMB AMADOU għamel pressjoni fuq id-difensur Farrugia, ġie minn warajh u skorja. Hawnhekk id-difiża Tarxiniża dehret li waqfet għal dak li seta’ kien, foul ta’ Amadou fuq Farrugia.

Tmien minuti wara, ir-riżultat reġa ġie ndaqs. Cini seraq ballun lil Spiteri, qassam lil JORGE SILVA li b’xutt tremend fir-rokna ta’ fuq tax-xibka għamel l-iskor 1-1.
Fil-65 minuta, minn korner ta’ Pisani, Lopes għal ftit ma xellifx il-ballun fix-xibka tiegħu, iżda fortunatament għalih il-ballun laqat biss il-lasta.

L-iktar azzjoni perikoluża taż-żewġ naħat tasal fil-ħin mogħti żejjed. L-ewwel ikun Silva għal Tarxien li daħal mill-angolu, ikkonkluda, iżda Senatore salva fil-baxx.

Fuq in-naħa l-oħra, Mintoff ħareġ barra minn postu jimblokka x-xutt ta’ Briffa, Farrugia għadda lil Plut, iżda fl-assenza tal-gowlkiper, kien Lopes li salva f’korner.

Ir-riżultat baqa’ 1-1 sal-aħħar u b’hekk Tarxien baqgħu jżommu punt fuq Floriana. Madankollu dan il-punt żgur li ma qatax l-għatx taż-żewġ timijiet li baqgħu stagħġnati fit-tieni nofs tal-klassifika.