Lokali

Ajruplan tal-Air Malta jirritorna lura wara problemi fil-windscreen

Ajruplan tal-Air Malta fi triqtu lejn Londra kellu jirritorna lura wara siegħa u nofs fl-ajru minħabba ħsara fil-windscreen. It-titjira hija dik li ħalliet Malta dalgħodu fid-8:40am lejn l-ajruport ta’ Gatwick f’Londra.

It-titjira KM116 niżlet lura fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta, għall-ħabta tal-10:15am. L-inżul kien wieħed għal kollox normali.

L-istess titjira telqet mill-mitjar fil-11:45am wara li l-passiġġieri tniżżlu, u ittellgħu fuq ajruplan ieħor.

Fi stqarrija l-Air Malta skużat ruħa għal kull inkonvenjent li seta’ inħoloq, iżda enfasizzat illi s-sigurta’ tal-klijenti tagħha tiġi l-ewwel u qabel kollox.