Jidher li l-problemi finanzjarji fil-Korp tal-Pulizija qed jaffetwaw anke ċ-ċerimonji ta’ tifkira ghall-membri mejtin tal-Korp. Fil-fatt, fil-Quddiesa tradizzjonali u ċ-ċerimonja ta’ tifkira tal-Pulizija mejtin fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata, tneħħa l-kor tal-Korp li kien jakkumpanja din l-okkażjoni solenni għal numru kbir ta’ snin. Sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li r-raġuni ewlenija wara din id-deċiżjoni hi li l-fondi għal din is-sena spiċċaw għal kollox.
Ftit tal-jiem ilu, żvelajna kif l-allokazzjoni tal-flus għall-Korp tal-Pulizija intefqet kollha fi żmien l-eks Kummissarju Peter Paul Zammit. Għalhekk, lejn l-aħħar tax-xahar li għadda l-Aġent Kummissarju Ray Zammit sejjaħ laqgħa għall-Assistenti Kummissarji u s-Supretendenti biex jinfurmahom li l-infieq irid ikun ikkontrollat għal kollox u li ma jistgħux jinxtraw affarijiet sakemm ikun approvat baġit ieħor għall-Korp tal-Pulizija.
Dan deher ċar hekk kif feġġew każi fejn membri tal-Korp tal-Pulizija ma setgħux ibiddlu uniformijiet jew toners ta’ printers, filwaqt li l-Garaxx tal-Pulizija qed jimtela’ b’vetturi li qed jistennew parts ghat-tiswija. Informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com tgħid ukoll li hemm każi fejn Fizzjali tal-Kwartieri Ġenerali qed imorru għalihom bil-Vann tal-Ħabs jew xi vann ieħor ghax mhemmx biżżejjed karozzi.