Edukazzjoni Lokali Parlament

Deċiżjoni qabel ma kien spiċċa proġett pilota?

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo ma weġibx mistoqsija ċara li fiha kien mitlub jispjega għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li t-taħlit ta’ bniet u subien fis-sekondarja jsir fl-iskejjel sekondarji kollha qabel ma kien spiċċa l-proġett pilota fil-Kulleġġ ta’ Santa Kjara.

Il-mistoqsija saret fil-Parlament mid-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, li staqsa wkoll jekk hemmx il-ħsieb li dawn it-tfal ikomplu jitilgħu flimkien minn sena għal sena sal-aħħar tas-sekondarja fl-iskejjel kollha; u xi studji saru dwar l-impatt li dan se jkollu fuq l-għażla tas-suġġetti u l-attainment mill-bniet u s-subien.

Il-Ministru Bartolo wieġeb li t-taħlit tal-istudenti subien u bniet fl-iskejjel sekondarji mhix xi ħaga ġdida. L-introduzzjoni tal-koedukazzjoni fl-iskejjel sekondarji tal-istat saret wara l-esperjenza lokali tal-Iskejjel Indipendenti, l-Iskola Nazzjonali tal-Isport u l-Iskola Sekondarja St Clare College Pembroke, kif ukoll l-esperjenzi wiesgħa u varji f’pajjiżi oħra.

Intqal li riċerka li saret fost ġenituri, tfal u għalliema fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport u l-Iskola Sekondarja St Clare College Pembroke, turi li l-esperjenza tal-koedukazzjoni kienet waħda pożittiva minn kull aspett.

It-tfal kollha li qegħdin fl-ewwel sena tas-sekondarja fl-2014/2015 se jibqgħu telgħin flimkien, sena wara sena, subien u bniet. Il-Ministru Bartolo qal li għandu jkun hemm moniteraġġ kontinwu tas-sistema sabiex l-impatt pożittiv f’kull aspett jissaħħaħ, kif fil-fatt qed isir u se jibqa’ jsir.

Madankollu, il-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista biex il-Ministru jgħid għaliex id-deċiżjoni ttieħdet qabel ma spiċċa l-proġett pilota, ma ntweġbitx.

Deċiżjonijiet mhux ibbażati fuq studji u rapporti dettaljati jistgħu joħolqu diffikultajiet fil-futur hekk kif dawn il-bidliet jirrikjedu ppjanar anke f’dak li hu sistemi ta’ tagħlim, kurrikulu u fl-għażliet tas-suġġetti li jagħmlu l-istudenti.