Futbol Sport

Dro ġust f’partita pjaċevoli

ŻEBBUĠ 1
QORMI 1

Żebbuġ: F. Rapchan, J. Diaz Serrano, M. Muchardi, C. Monti, M. Rodrigues Britto, J. Borg, M. Gauci, M. Bartolo, C. Gauci, T. Paris, Y. Camilleri
Sost: M. Farrugia flok T. Paris 78′, B. Mamic flok M. Rodrigues Britto 85′, L.J. Agius flok C. Monti 90′
Qormi: M. Farrugia, A.Bruce, M. Mazzetti, J. Chetcuti, A. Effiong, R. Micallef, E. Vella, Z. Levnaic, D. Pisani, J. Bondin, A. Santos
Sost: B. Bondin flok J. Chetcuti 46′, S. Agius flok E. Vella 85′

Skorjaw: C. Monti 62′ (Ż), R. Micallef 72′ (Q)
Imwissija: C. Gauci 22′, Y. Camilleri 50′, J. Diaz Serrano 71′ (Ż), E. Vella 31′ (Q)
Referee: Chris Lautier
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Ryan Micallef (Qormi)

Wara numru ta’ snin, Qormi u Żebbuġ reġgħu ltaqgħu fl-ogħla diviżjoni fl-aħħar derby li żdied f’dan il-kampjonat. Id-dro ta’ 1-1 kien wieħed ġust għaliex iż-żewġ timijiet kellhom il-mumenti tagħhom filwaqt li għal ħafna ħin iż-żewġ timijiet għalqu lil xulxin tajjeb. Il-partita serviet ukoll ta’ reklam tajjeb għall-futbol Malti biż-żewġ settijiet ta’ supporters jattendu bi ħġarhom u bi briju li wieħed jittama li tkun f’kull logħba u mhux f’derby biss.

Dan id-dro waqqaf is-serje ta’ rebħiet konsekuttivi għal Qormi filwaqt li għal Żebbuġ kien ir-raba’ dro tal-kampjonat iżda għadhom mingħajr rebħa.

Fl-ewwel partita tiegħu l-kowċ Alfonso Greco, li ħa post Jesmond Zammit għamel tliet bidliet mit-telfa kontra Pietà b’Javier Diaz jirritorna fid-difiża flok Ratko Mandic filwaqt li Jacob Borg ħa post Lee Galea u Clifford Gauci li irritorna u ħa post Clifford Gauci.

Min-naħa l-oħra wara r-rebħa kontra Tarxien, il-kowċ Josef Mansueto għamel tliet bidliet b’Emerson Vella, Albert Bruce u Ryan Micallef jieħdu post Steve Agius, Bjorn Bondin u Frank Temile rispettivament.

Żebbuġ ħolqu l-ewwel azzjoni denja fis-16-il minuta meta minn kross ta’ Jacob Borg, id-daqqa ta’ ras ta’ Britto ġiet salvata tajjeb minn Matthew Farrugia. Minuta wara xutt minn barra l-kaxxa ta’ Anderson Santos għadda ftit barra għall-Qriema. L-aħjar azzjoni tat-taqsima waslet fl-20 minuta meta Joseph Chetcuti għadda lejn Ryan Micallef li pprova mill-ewwel iżda l-konklużjoni ħabtet man-naħa ta’ barra tal-lasta.

Qormi appellaw għal penalty meta Anderson Santos allegatament twaqqa’ fil-kaxxa minn Jacob Borg iżda r-referee Chris Lautier ħalla l-logħob għaddej. Żebbuġ kellhom l-opportunità li jiftħu l-iskor fl-40 minuta meta Carlo Monti għadda tajjeb minn mal-linja iżda wara li avanza, minflok qassam lil sħabu għażel li jixxuttja iżda x-xutt tiegħu għadda barra. Iż-Żebbuġin għalqu t-taqsima fuq l-attakk meta Carlo Monti ta passaġġ perfett lejn Rodrigues Britto li avvanza u pprova minn pożizzjoni angolata iżda x-xutt għadda ftit għoli.

Żebbuġ ingħataw penalty fit-62 minuta meta Carlo Monti twaqqa’ fil-kaxxa u r-referee Chris Lautier ordna penalty li minnu CARLO MONTI ma żbaljax. Ir-risposta ta’ Qormi waslet fis-66 minuta meta l-ewwel kien Rapchan li għalaq tajjeb fuq Ryan Micallef, il-ballun spiċċa għand Bjorn Bondin li kkontrolla u pprova b’xutt fil-baxx iżda il-wieqfa salvat lil Żebbuġ.

Qormi għamlu l-iskor indaqs fit-72 minuta meta free-kick ta’ Mazzetti, ġie mxellef għand RYAN MICALLEF li b’xutt mill-ewwel mill-viċin għadda l-ballun minn taħt saqajn Rapchan. Il-Qriema ppruvaw iffitxu l-gowl tar-rebħa u fil-85 minuta xutt kross tas-sostitut Steve Agius niżel fuq il-wieqfa waqt li minuta wara kienu sfortunati meta Effiong xellef bir-ras lejn Ryan Micallef li waħdu xxuttja ċentimetri barra.