Il-Gvern Laburista għadu kemm ressaq liġi li għandha skop li jaqbel miegħu kulħadd: li l-partiti politiċi jkunu regolati sewwa meta jiġu għall-mod kif jiġbru l-flus, mingħand min u kemm jiġbru mingħand xi persuna waħda.
M’għandu jkun hemm l-ebda xamma ta’ partiti mixtrijin
Din hi ħaġa tajba għax m’għandux ikun hemm riħa tinten ħierġa minn fejn jiġu l-flus għall-partiti politiċi. M’għandu jkun hemm l-ebda suspett li l-partiti politiċi jkunu b’xi mod mixtrijin minn interessi privati moħbijin.
Żewġ mudelli ta’ finanzjament
F’ħafna pajjiżi oħra, biex il-partit ma jkunux mixtrijin u biex ikollhom ir-riżorsi ħalli jaħdmu, l-Istat jagħtihom il-flus b’mod dirett. Hemm imma pajjiżi oħrajn fejn dan ma jsirx u l-partiti jiġbru l-flus basta d-donazzjonijiet ma jaqbżux ċertu ammont.
F’Malta, suppost l-ebda finanzjament pubbliku tal-partiti
Il-Gvern Laburista għażel dan it-tieni mudell. Qed jgħid li ħwejjeġ il-poplu m’għandhomx jintużaw biex imorru għand xi partit. Tista’ taqbel u tista’ ma taqbilx. Imma żgur naqblu li għandu jkun hemm ugwaljanza, li l-partiti jkunu ttrattati l-istess.
Imma, fil-fatt, finanzjament pubbliku ta’ partit wieħed biss: tal-Partit Laburista
Imma waqt li l-Gvern qed iressaq liġi li tgħid li l-Istat m’għandux jagħti riżorsi lill-partiti politiċi, fil-fatt l-Istat kien u se jibqa’ jagħti riżorsi lil partit wieħed biss, il-Partit Laburista. Dan għaliex il-Labour ilu s-snin jaħtaf propjetajiet tal-Istat, u allura tal-poplu kollu, li jiswew miljuni kbar u li minnhom idaħħal flejjes kbar kull sena.
28 każin Laburista huma tal-poplu kollu…
Il-Partit Laburista ħataf xejn anqas minn 22 każin li għandu fi propjetajiet tal-Istat. Irrekwiżizzjona wkoll 6 propjetajiet ta’ familji Maltin biex jużahom bħala każini tiegħu. Apparti l-miljuni li kien ikollu joħroġ biex jixtri dawn il-propjetajiet, il-Partit Laburista qed igawdi d-dħul li jagħmel minn dawn il-każini f’kirjiet kull sena.
…u artijiet kbar fosthom l-Australia Hall, ir-Raffles u s-Super One
Apparti 28 każin, il-Partit Laburista ħataf ukoll artijiet u binjiet pubbliċi kbar bħall-Australia Hall f’Pembroke, il-post fejn kien hemm id-diskoteka Raffles f’Pembroke ukoll, art kbira f’Għajn Tuffieħa u l-art fejn hemm il-kwartier tas-Super One.
Il-Labour għandu jirritorna lura dak li ħa mingħand il-poplu Malti
Dan hu finanzjament pubbliku tal-Partit Laburista, propjetajiet li jiswew miljuni kbar. Il-Partit Laburista, la hu stess qed jgħid bil-liġi li m’għandu jingħata xejn mill-Istat lill-partiti politiċi, għandu jagħti lura dawn il-propjetajiet lill-poplu Malti.