Lokali

Erba’ snin u nofs ħabs għal aħwa fuq traffikar ta’ eroina u ħasil ta’ flus

[headlines headline=”h3″ ]-Jgħixu bil-benefiċċji soċjali u jsuqu karozzi lussużi bil-Qorti tordna l-konfiska tagħhom [/headlines]

Żewġt aħwa minn Ħaż-Żabbar, li jgħixu bil-benefiċċji soċjali u jsuqu karozzi lussużi kienu kundannati erba’ snin u nofs ħabs u mmultati €10,000 kull wieħed wara li nstabu ħatja traffikar ta’ droga eroina fil-perjodu ta’ Frar 2009 u Ġunju tal-2010. Freddie Delia ta’ 36 sena u ħuh Rodrick Delia ta’ 33, t-tnejn imlaqqmin “Il-Pajpaj” instabu ħatja wkoll mill-Maġistrat Miriam Hayman li fl-1 ta’ Ġunju, 2010 u fit-tliet snin ta’ qabel wettqu reati ta’ ħasil ta’ flus. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Miriam Hayman ordnat ukoll il-konfiska tal-karozzi lussużi.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li jirriżulta li l-aħwa huma diżokkupati, “anzi msieken” jgħixu bil-benefiċċji soċjali ta’ €91.55ċ., isuqu diversi karozzi lussużi li b’kumbinazzjoni aktar huma reġistrati fuq isem missierhom u ħuhom.

Il-Qorti qalet li tal-għaġeb iżjed kif bniedem bħal Freddie Delia, li jgħix b’din is-somma miżera, kien xtara mingħad ċertu Gaetano Fenech, saħansitra xejn anqas minn BMW Z4, u ħallsu tagħha bi flus kontanti għas-somma ta’ €24,000, waħda mill-karozzi li hu juża’, pero mhux reġistrati fuq ismu.

Il-Qorti żiedet tgħid li xejn minn dan kollu ma jħalli l-iċken dubju li s-sors tal-qliegħ tal-aħwa iwassal għal konklużjoni li ma hemm l-ebda dubju li kull akkuża fuq id-droga ġiet bla dubju ppruvata. Din l-attivita’ kriminali wasslet ukoll biex dawn jinsabu ħatja ta’ ħasil ta’ flus. Huma n stabu ħatja wkoll li wkoll kisbu propjeta’ minn attivita’ kriminali iżda ma nstabux ħatja li saru reċidivi, minħabba li dan ma ġiex pruvat.

Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur Victor Aquilina qal li meta l-Ispettur Johann Zammit kien qed jinvestiga lil ċertu Mark Anthony Ellul, dan semma li kien qed jixtri d-droga mingħand ċertu Rodrick . Kienu f’dan ir-rigward li kien hemm persuni bħal Oscar Cassar u Rodney Fenech li ħadu ġurament u qalu li kienu jixtru d-droga mingħandu.

Meta kompliet l-investigazzjoni u Jesmond Borg ħa stqarrija ta’ ċertu Mark Cassar dan qal l-istess affarijiet fuq minn fejn kien jixtri d-droga. Għaldaqstant bdew isiru diversi osservazzjonijiet fuq ir-residenza ta’ ċertu Freddie. Fl-ewwel ta’ Ġunju, 2010, il-Pulizija raw lil Rodrick Delia, ħiereġ minn karozza Pajero viċin il-fabbrika ta’ Bulebel u waqt li kienu qegħdin isegwuh, rawh jgħaddi lil xi ħadd.

Wara kien arrestat ċertu Duranovic Coreschi li mill-ewwel bela’ dak kollu li kellu f’idu. Dan ikkonferma wkoll li kien xtara d-droga mingħand Rodrick u ħallas €20. Mix-xhieda ingħad li waqt l-osservazzjoni tal-Pulizija dawn raw ħafna movimenti li mingħajr dubju waslu għal dak li waslu. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-aħwa meta kienu qegħdin jiġu nterrogati mill-Pulizija.

Il-Qorti qalet ukoll li hija nnutat ukoll il-fatt li dawk li l-ewwel xehedu li xtraw id-droga mingħand l-aħwa wara qalu mod ieħor wara li qalu li kienu qegħdin jiġu mhedda, pero huwa fatt li dak kollu li qalu quddiem il-Maġistrat inkwerenti huwa l-verita’.

Hawn il-Qorti qalet ukoll li xhud minnhom sa ġie mhedded minn ħu l-imputati Marco Delia. Meta wieħed jara l-komportament fuq il-pedana tax-xhieda ta’min xtara d-droga, hija qalet li hija konvinta li dawn kienu avviċinati jibdlu l-verżjoni tagħhom. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jesmond J. Borg u Johann J. Fenech.