Il-living wage fir-Renju Unit – rata kull siegħa bbażata fuq l-ammont meħtieġ biex ikunu koperti l-ispejjeż bażiċi tal-ħajja – għoliet b’20p għal ₤7.85.
Il-paga volontarja – ikkalkulata mill-Fondazzjoni Living Wage – issa hi 21 fil-mija ogħla minn dik obbligatorja tal-Paga Minima Nazzjonali, li bħalissa hi ₤6.50 kull siegħa.
Is-Sindku ta’ Londra Boris Johnson qal li r-rata f’Londra se togħla minn ₤8.80 fis-siegħa għal ₤9.15.
Il-living wage ġiet adottata fost aktar minn elf azjenda madwar il-pajjiż u minnha se jibbenefikaw 35,000 ħaddiem.
Ditti li ffirmaw l-iskema volontarja jinkludu lil Barclays, Standard Life, National Portrait Gallery, kif ukoll diversi kunsilli lokali u għaqdiet tal-karità.
Citizens UK, l-organizzazzjoni fil-komunità wara l-proġett Living Wage, qalet li n-numru ta’ kumpaniji li qed iħallsu din ir-rata, irdoppja matul is-sena li għaddiet.
Il-Federazzjoni tan-Negozji ż-Żgħar qalet li hi appoġġjat il-living wage, iżda saħqet li din għandha tibqa’ skema volontarja.
Il-living wage hi kejl informali, mhux livell minimu sfurzat ta’ ħlas skont il-liġi, bħall-paga minima nazzjonali.
Il-paga minima nazzjonali tkun ikkalkulata mill-kanċillier kull sena fuq il-parir tal-Low Pay Commission. Din hi infurzata mid-Dipartiment tad-Dħul u d-Dwana.
Bħalissa l-living wage hi kkalkulata miċ-Ċentru għar-Riċerka fil-Politika Soċjali fl-Università ta’ Loughborough, filwaqt li l-living wage ta’ Londra ilha tiġi kkalkulata mill-Greater London Authority mill-2005.
L-idea bażika hi li dawn huma r-rati minimi ta’ ħlas u huma meħtieġa sabiex il-ħaddiema jkollhom ħajja deċenti.
//= $special ?>