L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ddikjara lbieraħ f’ruling li ta, li kull darba li f’rappurtaġġ fil-media ssir referenza għal xi Mistoqsija Parlamentari jew xi diskors li jkun sar minn Membru Parlamentari f’din il-Kamra jew fil-Kumitati tagħha, ir-rappurtaġġ għandu jinkludi wkoll l-isem ta’ dak il-Membru Parlamentari li jew ikun issottometta d-domanda parlamentari, min ikun weġibha jew li jkun għamel id-diskors.
L-Ispeaker iddikjara wkoll li dan ir-ruling, li ngħata fuq talba li għamel id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea dwar il-mod kif kienet rappurtata mistoqsija parlamentari ppubblikata fuq il-gazzetta l-orizzont, għandu jservi ta’ linji gwida ċari dwar il-pożizzjoni tas-Sedja dwar rappurtaġġ ta’ proċeduri parlamentari minn kull media, kemm dik elettronika, kemm dik viżiva, kemm dik tar-radju kif ukoll dik miktuba.
Is-Sedja qiegħda tagħmel dan sabiex ikun hemm linja ċara bbażata fuq qafas legali kif ukoll fuq linji adottati minn parlamenti nazzjonali fi ħdan il-Commonwealth, fosthom l-Ingilterra.
Din il-kwestjoni qamet minħabba li fl-artiklu li saret riferenza għalih u li nġibdet l-attenzjoni tas-Sedja, filwaqt li ma kienx hemm referenza għad-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea li għamel il-mistoqsija parlamentari, hemm referenza għal min irrisponda din il-mistoqsija, f’dan il-każ il-Ministru Owen Bonnici, u hemm referenza wkoll għas-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Raymond Tabone, li ssemma darbtejn. U dan meta l-istess Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea, bħala rappreżentant tal-poplu f’isem il-kostitwenza tiegħu, ħa l-interess li jagħmel din il-mistoqsija parlamentari.
Il-każ tratta mistoqsija li għamel id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea li talab lill-Ministru Owen Bonnici jagħti tagħrif dwar kemm twaħħlu avviżi ta’ żgumbrament fuq dgħajjes, karozzi u affarijiet oħrajn fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar matul din is-sena; fejn kienu l-postijiet li fihom twaħħlu l-avviżi ta’ żgumbrament; kemm kien hemm sidien li neħħew dawk l-oġġetti li dwarhom kien hemm avviż ta’ żgumbrament; u liema oġġetti ma tneħħewx u liema oġġetti hu mistenni li jneħħi l-kunsill lokali.
Meta d-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea ressaq dan il-każ lis-Sedja, irrifera għal rapport ippubblikat f’l-orizzont tad-29 ta’ Ottubru bit-titlu ‘Dgħajjes u karozzi abbandunati tneħħew minn toroq f’San Pawl il-Baħar’, fejn m’hemmx riferenza għall-fatt li l-informazzjoni li hemm fl-istorja hija l-informazzjoni li ħarġet fil-mistoqsija parlamentari 11,318 li għamel hu stess u li wieġeb il-Ministru Owen Bonnici.
Fir-ruling, l-Ispeaker daħal fid-dettal dwar x’għandha tkun il-pożizzjoni tas-Sedja meta jsiru mistoqsijiet parlamentari jew anke meta jsiru diskorsi minn Membri Parlamentari, huma min huma, id-69 li huma, f’din il-Kamra.
M’hemmx dubju li għalkemm l-Ordnijiet Permanenti huma siekta fuq din il-materja, joħroġ l-obbligu li kull gazzetta għandha tirrapporta fedelment u korrettement dak kollu li jiġri fil-Parlament u li rappurtaġġ skorrett jista’ jikkostitwixxi disprezz tal-Parlament.
Is-Sedja irreferiet għall-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati u kkwotat b’mod partikolari paragrafu li juri li ommissjoni ta’ isem l-interpellant li jkun għamel domanda parlamentari f’rapport fil-media, tista’ b’xi mod fl-interpretazzjoni ta’ dawn l-artikli – għalkemm mhux neċessarjament dejjem għaliex wieħed irid jieħu in konsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi u l-kuntest kollu – tiġi meqjusa bħala rappurtaġġ mhux korrett jew sħiħ u li allura dak ir-rapport jista’ jiġi interpretat bħala li huwa rappurtaġġ mgħawweġ.
L-Ispeaker qal li r-rapport inkwistjoni ma jistax jitqies li huwa rappurtaġġ sħiħ għaliex filwaqt li saret referenza għall-Ministru li wieġeb il-mistoqsija, ma jistax jingħad l-istess għall-Membru Parlamentari li ssottometta l-istess mistoqsija.
Is-Sedja rat ukoll il-Code of Journalistic Ethics maħruġ mill-Malta Press Club, fejn taħt l-artikolu 4 jiġu elenkati dawk il-każijiet fejn huwa kkunsidrat li jkun hemm ksur tal-komportament etiku.
Jidher ċar, intqal fir-ruling, li ma teżisti l-ebda kwestjoni ta’ kunfidenzjalità jew xi għoti ta’ xi permess. Għall-kuntrarju, hawnhekk il-każ hu fuq sors li huwa sors pubbliku, Membru Parlamentari elett mill-poplu biex jirrappreżenta l-interessi tal-poplu u allura ċertament huwa sors li għandu jiġi identifikat għar-responsabbiltà kemm tad-domanda kif ukoll tal-konsegwenza tar-risposta.
Għalhekk, huwa etikament ukoll mhux korrett li hawnhekk il-ġurnalist li jkun qed jagħmel referenza għad-domanda parlamentari arbitrarjament ma jikkwotax is-sors, jiġifieri l-Membru Parlamentari, li bi dritt il-poplu għandu jkun jaf li qed jirrappreżentah permezz tal-istess domanda parlamentari u dan biex ikun hemm il-kontabbiltà tax-xogħol li jkun qed jagħmel l-istess Membru Parlamentari. Għalhekk, anke hawnhekk is-Sedja tara li etikament hemm nuqqas.
Spjega wkoll li anke meta wieħed jagħmel referenza għal dak li joħroġ mill-Commonwealth Law Reviews, joħroġ ċar li l-isem għandu dejjem jissemma biex ikun hemm ir-responsabbiltà u wkoll it-trasparenza u l-accountability ta’ dak li jkun qed isir fil-Parlament mill-persuna li tkun identifikata.
L-Ispeaker Farrugia talab li r-ruling għandu jiġi komunikat lill-editur tal-gazzetta l-orizzont biex ikun jista’ jagħmel il-kjarifika u l-korrezzjoni meħtieġa fi żmien jumejn mid-data ta’ dan ir-ruling.
Il-media għandha ssemmi l-Membri Parlamentari meta tkun qed tirreferi għal diskorsi jew mistoqsijiet parlamentari
