Il-Ministru Evarist Bartolo ma qabilx ma risposta li ta hu stess fil-Parlament filwaqt li irrimarka wkoll li ma jaqbilx mal-Ministru Anton Refalo li ma tax informazzjoni dwar infiq f’safar, u lanqas ma wieġeb jekk jiftakarx jekk sifirx kemm ilu Ministru f’din l-aħħar sena u nofs, u jekk is-safar sarx minn fondi pubbliċi.
Id-dikjarazzjoni tal-Ministru Bartolo, li qal li ma rax il-mod kif ingħatat it-tweġiba mill-istaff tiegħu għal mistoqsija parlamentari dwar safar li sar minnu bħala Ministru; kif ukoll il-mod kif baqa’ jirrifjuta li ma jweġibx il-Ministru Anton Refalo għal mistoqsijiet supplimentari tad-deputati tal-Oppożizzjoni, saru fil-ħin tal-mistoqsijiet tas-seduta tal-lejla.
Deputati tal-Oppożizzjoni staqsew u oġġezzjonaw għal mod kif il-Ministru Anton Refalo ma weġibx il-mistoqsija parlamentari u kif baqa’ jirrepeti biex jagħmlu l-mistoqsijiet bil-miktub għal kull mistoqsija li saritlu; fosthom għaliex ma jridx ikun trasparenti u jagħti kont tal-infiq kif wara kollox kien wiegħed dan il-Gvern li jkun trasparenti.
Kien f’dan il-mument li l-Ministru Evarist Bartolo qabel mal-Oppożizzjoni li l-mistoqsijiet għandhom jitwieġbu, fid-dettal, u fir-rigward tal-mod kif wieġeb hu l-istess mistoqsijiet li saru lill-Ministru Refalo, qal li se jkun qed jagħti fil-Parlament id-dettalji kollha mitluba, u ddikjara li t-tweġiba ma rahiex qabel ma ġiet fil-Parlament. Iddikjara wkoll li mhux il-prattika li hu jiffirma t-tweġibiet li jagħti għal mistoqsijiet parlamentari, kif kien isir fi żmien gvern preċedenti.
Hawnhekk l-Oppożizzjoni irrimarkat li l-mistoqsijiet li saru lil diversi ministri huma mwieġba bl-istess mod u għalhekk tqajmet il-mistoqsija jekk kienx hemm kordinament dwar il-mod kif twieġbu l-mistoqsijiet.
Il-Ministru Anton Refalo, kif ukoll il-Ministru Evarist Bartolo, kienu mitluba mid-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg jagħtu informazzjoni u jgħidu minn Marzu tal-2013 sal-lum, kemm-il darba siefru, għal liema konferenzi, kemm tul ta’ ġranet u kemm kienet in-nefqa ta’ kull vjaġġ u n-nefqa totali fuq l-ivvjaġġar; u minn min kienu akkumpanjati.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo rrifjuta li jgħid fil-Parlament jekk jiftakarx jekk sifirx f’din l-aħħar sena u nofs. It-tweġiba tal-Ministru Refalo baqgħet tkun waħda – dik li jsiru l-mistoqsijiet bil-miktub.
Għal aktar insistenza biex il-Ministru Refalo jwieġeb jekk hux lest li jagħti rendikont lill-Parlament dwar infiq minn flus il-poplu, l-Oppożizzjoni talbet ukoll lill-Ispeaker jintervjeni għal mod kif kien qed iwieġeb il-Ministru Refalo u ġibdet ukoll l-attenzjoni tal-Ispeaker biex ma jissuġġerixxix lill-Ministru Refalo, bl-Ispeaker jgħid li t-tweġibiet li baqa’ jagħti l-Ministru Refalo kienu l-istess u ngħataw b’mod ripetut.
Fost il-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni li ma weġibx il-Ministru Refalo kienet dik biex jgħid jekk inxtrawx biljetti tas-safar b’direct order mill-agenzija tal-ivvjaġġar tal-GWU?
//= $special ?>