Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus żvela fil-Parlament li ra korrispondenza b’emails li għaddiet bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u s-sidien privati tal-Każin Laburista ta’ Ħal Qormi, li jikkonfermaw li l-Prim Ministru baqa’ ma żammx il-wegħdiet li għamel magħhom qabel l-elezzjoni – dik li kien se jagħtihom kera ġusta għall-proprjetà tagħhom li kienet qed tinkera lill-Partit Laburista bħala Każin Laburista fiċ-ċentru ta’ Ħal Qormi.
L-emails li ra jikkonfermaw li f’Ottubru 2011, is-sidien kitbu lill-Prim Ministru li f’laqgħa wegħedhom li jkollhom kirja xierqa. Illum, is-sidien tal-Każin Laburista ta’ Ħal Qormi jirċievu kera ta’ €198 fis-sens, b’ċens ta’ €138.
F’Jannar 2012, is-sidien reġgħu kitbu lill-Prim Ministru jgħidulu li ilhom gimgħat jistennew ir-risposta tal-Prim Ministru waqt li jfakkruh li kien wegħedhom li sal-kirja li jmiss, kellhom jirċievu kirja ogħla.
F’April 2012, is-sidien jerġgħu jiktbu lill-Prim Ministru biex jerġgħu jfakkruh li wegħedhom li jkollhom kirja ġusta għal prorpjetà tagħhom.
F’Mejju 2012 kienu reġgħu talbu lill-Prim Ministru biex jagħmel xi ħaġa sabiex ta’ lanqas iżomm il-kelma tiegħu.
F’ Jannar 2013, qabel l-elezzjoni, reġgħet għaddiet korrispondenza lill-Prim Ministru jfakkruh fil-wegħda tiegħu, u fakkruh li għadu ma sar xejn u li l-familja kollha hi diżappuntata għaliex dak li wegħedhom Joseph Muscat qatt ma mmaterjalizza, u li ma żammx kelmtu.
Ryan Callus qal fil-Parlament meta tkellem dwar l-abbozz ta’ liġi dwar il-finanzjament tal-partiti, li dan jikxef karatteristika naturali tal-Prim Ministru Muscat – dik li ma jżommx kelmtu u ma tistax tafdah,bħalma ġara wkoll fil-wegħda, li ma wettaqx, li jibni power station f’sentejn.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-proprjetà li qed tintuża bħala Każin f’Ħal Qormi, u li issa hemm il-każ quddiem il-Qorti, hi ta’ sidien privati, u kienet akkwistata meta żmien ilu Mintoff kien mar fuq l-antenati ta’ dawk li kienu sidien tal-proprjetà tal-każin Laburista ta’ Ħal Qormi, biex din tinkera għal sentejn iżda baqa’ hemm għal 60 sena sħaħ u issa l-Partit Laburista ma jridx jitilqu minn idejh u ma jistax jitgawda mis-sidien tal-proprjetà.
L-ironija hi, qal Ryan Callus, li flus għalih u għal sħabu; għal tal-billboards u għal dawk tal-Partit tiegħu; għal sħabu tal-Kabinett li jiswa €100 miljun; għall-mara tal-Ministru li tingħata €13,000 fix-xahar, il-Gvern Laburista għandu, iżda ma jirriżultax li għandu għas-sidien tal-każin tal-Partit Laburista ta’ Ħal Qormi.
Għal dak li żvela d-Deputat Nazzjonalista, il-Ministru Owen Bonnici qal li l-offerta lis-sidien tal-każin Laburista ta’ Ħal Qormi saret skont il-liġi.
Ryan Callus qal li fil-korrispodenzi li ra, il-Prim Ministru Muscat wiegħed li jkollhom kirja adegwata u ġusta, liema kelma l-Prim Ministru ma żammx.
Id-Deputat Nazzjonalista staqsa kif jista’ l-Gvern Laburista jkun kredibbli u jitkellem fuq il-finanzjament tal-partiti meta l-Parti Laburista fil-Gvern, b’abbuż għandu 28 każin li ttieħdu mill-privat u mill-istat, u ma jridx irodd lura l-proprjetà li kienet rekwiżizzjonata b’abbuż, u saħansitra biegħ l-Australia Hall.
Ryan Callus staqsa kif il-Gvern jista’ jitkellem dwar il-finanzjament tal-partiti u ma jsemmix l-Australia Hall. Staqsa wkoll jekk il-Gvern ħasibx li l-Oppożizzjoni hi rieqda meta fil-but il-Partit Laburista qed iddaħħal valur ta’ €10 miljun.
Min kien serju, qal Ryan Callus, tkellem bħalma għamel il-Kummissarju tal-Artijiet, li bir-riżenja tiegħu bagħat messaġġ meta l-Gvern waqqa’ l-kawża kontra l-Partit Laburista.
Kienet daħka wkoll li l-Australia Hall, art fuq mhedda ta’ 6,300 metru kwadru, kienu stmawha li tiswa biss nofs miljun ewro. X’ħaseb il-Gvern, staqsa d-Deputat Nazzjonalista, li l-Oppożizzjoni ma tafx kemm tiswa din l-art f’Pembroke f’lokal importanit u ċentrali?
U dan fl-istess waqt li l-Gvern irid lin-nies jiddikjaraw il-valur veru tal-proprjetà tagħhom, u jekk perit tal-Gvern ma jaqbilx mal-valur li ssottomettiet, jintbagħat kont biex titħallas id-differenza u l-penali. Iżda mhux l-istess jiġi applikat għall-Partit Laburista li jħoss li hu ‘l fuq mil-liġi u għandu l-libertà li jikser il-liġi.
Staqsa jekk sal-lum il-perit tal-Gvern marx jistma din il-proprjetà u jekk il-Gvern hux se jippermetti din il-valutazzjoni qarrieqa.
Dwar il-finanzjament tal-partiti, Ryan Callus qal li s-sitwazzjoni hi li hemm il-Partit Laburista li jbiegħ il-proprjetà biex iħallas id-dejn tiegħu, u l-PN li qiegħed iħallas id-dejn tiegħu mill-ħidma tiegħu.
Il-Gvern qed jirrifjuta li jkun hawn finanzjament tal-partiti mill-istat, iżda lllum nesa li din il-proposta għamilha l-Partit Laburista meta kien fl-Oppożizzjoni.
L-Australia Hall fissirha bħala rigal għall-Partit Laburista meta s-sena l-oħra akkwista €10 miljun meta biegħu l-art, ħallsu d-dejn tac-Ċentru Nazzjonali Laburista, u kienet rilaxxata proprjetà oħra – ir-Raffles Disco, binja mifruxa fuq 3,600 metru kwadru b’valur ta’ €7 miljun.
Tkellem ukoll dwar il-każ tas-Siġġiewi, li nħatfet ukoll mill-Partit Lbaurista u sal-2012 baqgħet każin tal-Labour. Iżda llum, fuq insistenza tal-Gvern Nazzjonalista, il-proprjetà ngħatat lura lill-istat u llum hu day care centre fejn imur kulħad. Dan filwaqt li l-Partit Laburista żamm parti mill-bini sakemm isib post alternattiv.
Iżda llum, qal Ryan Callus, għadda sentejn żmien biex isib proprjetà alternattiva u issa wasal iż-żmien li din il-prorpjetà li tmiss maċ-ċentru ċiviku wkoll tintrodd lura lill-poplu.
Ryan Callus qal li din hi kwistjoni ta’ kredibbiltà u rridu nħarsu lejn il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti b’intgerità. Iżda jekk irid il-Gvern ikun kredibbli, irid irodd lura l-proprjetajiet li għandu mikrijin mill-istat u mill-privat u jagħti lura l-proprjetà li biegħ f’Pembroke.
//= $special ?>
