Lokali

Inizjattiva li tferraħ lil tfal fil-bżonn

Għat-tieni sena konsekuttiva, kumpaniji u individwi jistgħu jixtru rigal tal-Milied għal tfal li jinsabu f’sitwazzjoni vulnerabbli jew jinsabu fid-djar tat-tfal.

Dettalji dwar din l-inizjattiva ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali Michael Farrugia.

Hu qal li s-sena li għaddiet, kien hemm mal-100 tifel u tifla li ngħataw rigal u għal din is-sena, diġa hemm 350 talba.

Is-sistema taħdem hekk: donaturi prospettivi jidhħu fuq is-sit childrendreams.org Hemmhekk isibu x-xewqa tat-tifel u t-tifla partikolari, l-isem, li jkun mibdul, u l-eta’ tat-tifel jew tifla.

Meta d-donatur jaghħżel ix-xewqa ta’ tifel jew tifla partikolari, dan jintalab jagħti d-dettalji tiegħu sabiex ikun ikkuntattjat minn social worker biex eventwalment jgħaddu r-rigal.

Tkellmet ukoll Lina Pecorella li bdiet din l-inizzjattiva f’Malta. Lina Pecorella qalet li kienet ħadet sehem f’din l-inizzjattiva f’art twelidha fil-Litwanja meta kienet imnedija għall-ewwel darba ħames snin ilu.

Hi rat kif inizzjattiva bħal din ferrħet lil tfal li jkunu ġejjin minn sitwazzjonijiet familjari diffiċli u ħadmet sabiex children’s dreams tibda ssir f’Malta wkoll.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali Alfred Grixti ukoll għamel appell sabiex kumpaniji u individwi jagħmlu donazzjoni u jferrħu lil dawn it-tfal sabiex il-Milied ikun jum speċjali u ma jkunx jum bħall-ohrajn.