Ir-rapport ta’ inkjesta li sar wara li tifel ta’ tliet snin ħarab minn klassi ta’ SkolaSajf fl-Iskola Primarja tal-Fgura hu każ ieħor fejn il-Ministru Evarist Bartolo uża paraventu biex ifarfar ir-responsabbiltà tiegħu fuq ħaddieħor. Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Joe Cassar, il-Partit Nazzjonalista appella lill-Ministru Bartolo biex minflok ifarfar iwieġeb numru ta’ mistoqsijiet b’rabta mat-tmexxija tal-programm SkolaSajf.
Il-PN qal li minflok, kulma jagħmel ir-rapport hu li jitfa’ t-tort fuq il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, li diġà ngħatat it-tort għall-konfużjoni li wasslet biex il-programm Skolasajf beda ġimgħa aktar tard milli pjanat. Għaldaqstant, il-PN qed jistenna lil Evarist Bartolo biex iwieġeb għall-fatt li r-rapport tal-inkjesta jitkellem dwar kif ġew impjegati numru ta’ persuni mingħajr esperjenza, b’uħud minnhom li saħansitra lanqas biss għalqu t-18-il sena.
Il-PN fakkar kif fi tweġiba Parlamentari li ta fil-25 ta’ Lulju li għadda, l-istess Ministru qal li l-Playworkers ingaġġati biex jaħdmu fi Klabb 3-16 u Skola Sajf huma impjegati fl-Iskejjel tal-Istat, tal-Knisja jew Indipendenti u għalhekk ikunu approvati minn qabel mid-Direttorati. Iżda filwaqt li l-ġenituri tal-istudenti jippretendu li jkollhom rashom mistrieħa li wliedhom qed jieħdu t-tagħlim tagħhom f’ambjent sikur u ta’ serħan il-moħħ, qed isibu Ministru li l-kenn ifittxu biss għalih innifsu, temmet tgħid l-istqarrija.