Sport

Jappellaw mis-sentenza ta’ Pistorious

Il-Prosekuturi fl-Afrika t’Isfel appellaw mis-sentenza ta’ ħabs li ngħatat lill-atleta, Oscar Pistorious, ta’ ħames snin priġunerija b’konnessjoni mal-qtil tat-tfajla tiegħu, Reeva Steenkamp.

Pistorious diġà beda jiskonta s-sentenza, iżda kapaċi jservi għaxar xhur biss ta’ priġunerija wara li ma nstabx ħati dwar omiċidju premeditat u fil-preżent, qed jinżamm fit-taqsima tal-isptar fil-ħabs Kgosi Mampuru II fil-belt ta’ Pretoria.

Kelliema għall-Prosekuzzjoni qalu li l-appell hu bbażat fuq kwistjoni tal-liġi. Huma qalu li d-dokumenti tal-appell ingħataw lir-reġistratur tal-Qorti Għolja ta’ North Gauteng, bl-istqarrija ssostni li l-każ għadu, uffiċjalment, sub judice. B’konsegwenza ta’ dan, l-Awtorità tal-Prosekuzzjoni mhix se tkun tista’ tiddiskuti l-kwistjoni pubblikament qabel il-qorti tiddeċiedi dwar l-appell.

Ladarba jiskonta għaxar xhur priġunerija, Pistorious jista’ japplika biex iservi l-kumplament tas-sentenza fir-residenza tiegħu fejn ikun qed jinżamm taħt arrest.

Pistorious qal li qatel bi żball lil Steenkamp f’Jum San Valentinu tal-2013 meta kien imwerwer dwar il-possibbiltà li kien daħallu xi ħadd id-dar tiegħu. L-atleta weħel ukoll sentenza sospiża ta’ tliet snin talli kien spara arma tan-nar f’ristorant.