Joseph Muscat għandu bżonn jirrealizza li r-rwol tiegħu hu ta’ Prim Ministru u minn filgħodu sa filgħaxija, ħsiebu għandu jkun fuq kif jista’ jmexxi ‘l pajjiż ‘il quddiem. Wara li l-Ħadd li għadda għamel siegħa jitkellem dwar il-Partit Nazzjonalista, anke dalgħodu Muscat ħass li kellu jitkellem dwar il-finanzi tal-PN minflok dwar il-finanzi tal-pajjiż, minkejja li ninsabu biss ġimgħatejn qabel jippreżenta l-Budget.
Dan qalu l-PN fi stqarrija, li fiha fakkar kif Muscat qed ikompli għaddej bit-tattika tiegħu li meta jkun dahru mal-ħajt, jaqbad it-tajn u jibda jitfgħu lejn kulmin hu kontrieh. Diġà għamel l-istess fil-każ tal-gideb dwar il-Power Station. Issa, Muscat reġa’ jinsab dahru mal-ħajt jiddefendi s-serq ta’ aktar minn 28 binja mingħand l-Istat u mingħand familji biex jintużaw bħala Każini Laburisti.
Il-PN sostna li minflok ma jagħmel l-unika ħaġa onorabbli li jista’ jagħmel bħalissa, jiġifieri li jagħti lura dak li mhux tiegħu, Muscat qed jinfexx f’gibda wara l-oħra. L-aħħar gidba hi dik li jħalli f’idejn il-Qrati jiddeċiedu dwar il-propjetà. Muscat ma jistax jitwemmen meta kien hu stess li waqqa’ l-kawża tal-Australia Hall u ma ħalliex lill-Qorti tiddeċiedi dwar art b’valur ta’ aktar minn €10 miljun.
Muscat irid jirrealizza li llum m’għadux ġurnalist iżda Prim Ministru, temmet tgħid l-istqarrija.