Sport

Protectionist jirbaħ tiġrija traġika

MELBOURNE CUP

Iż-żiemel Ġermaniż Protectionist, misjuq mill-jockey Ingliż Ryan Moore, rebaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Melbourne Cup li kienet imtappna bil-mewt żewġ żwiemel, fosthom tal-favorit Admire Rakti li waqa’ u miet wara t-tellieqa.

Moore saq lil Protectionist imħarreġ minn Andreas Wohler u li kien kwotat 7-1, lejn rebħa ta’ erba’ tulijiet fuq iż-żiemel Britanniku Red Cadeaux li għat-tielet darba temm it-tieni.

Iż-żiemel ta’ New Zealand, Who Shot Tebarman, temm it-tielet, Signoff temm ir-raba’ u Willing Foe il-ħames.

Quddiem 100,000 spettatur fil-korsa ta’ Flemington, Admire Rakti kien l-akbar favorit għal din il-154 edizzjoni tat-tiġrija ta’ żewġ mili. Imma ż-żiemel imħarreġ il-Ġappun, sfaxxa u temm l-aħħar u hekk kif irritorna lura mit-track, iż-żiemel ta’ sitt snin rebbieħ tal-Caulfield waqa’ u miet.

F’inċident ieħor wara t-tiġrija, Araldo li kien temm fis-seba’ post ukoll kellu jitraqqad meta wara li kien sejjer lura lejn l-istalla, sfratta meta partitarju xejjer bandiera viċin tiegħu u spiċċa kiser siequ meta daħal f’fence tal-ġebel. Araldo kien misjuq minn Dwayne Dunn.

Intant Red Cadeaux misjuq minn Gerald Mosse mar quddiem fid-dritta, imma ż-żiemel ta’ tmien snin reġa’ kellu jikkuntenta bit-tieni post wara li kien superat b’ċentimetru biss fl-2011 u bi tliet kwarti ta’ tul is-sena l-oħra.

Sadanittant il-jockey Zac Purton naqqas il-pass ta’ Admire Rakti fl-aħħar metri tat-tiġrija ta’ żewġ mili u l-uffiċjali qalu li se ssir awtopsja biex tkun magħrufa l-kawża tal-mewt taż-żiemel.

Fl-aħħar 35 sena tal-Melbourne Cup erba’ żwiemel mietu minħabba inċidenti fatali.

Ritratt: Protectionist misjuq minn Ryan moore jirbaħ il-Melbourne Cup quddiem Red Cadeaux u Who Shot Tebarman