Internazzjonali

Tfal Kurdi abbużati mill-ISIS

Skont il-Human Rights Watch, militanti tal-ISIS ittorturaw u abbużaw minn aktar minn 150 tifel u tifla Kurdi, li nħatfu kmieni din is-sena qrib Kobane fit-Tramuntana tas-Sirja.

Il-grupp għad-drittijiet internazzjonali ġie għall-konklużjonijiet tiegħu minn intervisti li saru ma’ diversi tfal li kienu fost is-subien maħtufa. Dawn kienu nħatfu lejn l-aħħar ta’ Mejju fi triqithom lejn id-dar, wara li kienu għamlu l-eżamijiet fil-belt ta’ Aleppo.

Skont il-Human Rights Watch, madwar 50 mis-subien Kurdi ħarbu fil-bidu tal-priġunerija tagħhom. Il-kumplament tas-subien kienu nħelsu fi gruppi – l-aħħar u l-aktar reċenti fid-29 ta’ Ottubru. Il-Human Rights Watch qal li l-militanti tal-ISIS sfurzaw lit-tfal ta’ 14-il sena biex jaraw filmati ta’ qtugħ tal-irjus tan-nies. Il-grupp dwar id-drittijiet internazzjonali saħaq li dan l-abbuż hu ekwivalenti għal reati tal-gwerra.

Erbgħa mit-tfal li nħelsu qalu lill-grupp li huma kienu nżammu mill-estremisti fil-belt ta’ Manbij fit-Tramuntana tas-Sirja. Huma ddeskrivew l-abbuż frekwenti taħt idejn il-militanti, li użaw pajp tal-ilma u cable tal-elettriku għas-swat.