Lokali

AĠĠORNATA b’aktar dettalji u ritratti: Lejl ta’ terrur għall-familja tal-Ispettur Azzopardi

AĠĠORNAMENT (6)

Kmieni dalgħodu splużjoni qawwija heżżet ir-residenza tal-ispettur Geoffrey Azzopardi fiż-Żurrieq. Splużjoni ikkawżata minn bomba li tpoġġiet mal-faċċata tad-dar fejn joqgħod dan l-Ispettur.

Il-kaz seħħ fl-4:30am u l-bomba tant kienet qawwija li ħasdet lir-residenti kollha ta’ Vjal il-Blue Grotto u ċ-ċentru taz-Zurrieq. Rapporti qed jindikaw li l-bomba instemghet anke mill-Qrendi, minn Ħal Safi, is-Siġġiewi u Ħal Luqa.

“L-isplużjoni kienet qisha splodiet kamra tan-nar”

L-Ispettur Azzoppardi hu missier ta’ tliet itfal; żewġ subien, u tifla li se tkun qed tagħmel il-preċett is-sena d-dieħla. Fortunatament, ħadd ma weġġa’ f’din l-isplużjoni. Għalkemm il-familja kellha xokk qawwi.

Fil-post għad hemm ukoll Pulizija li qed jinvestigaw il-każ serju ta’ din il-bomba li tpoġġiet fis-satra tal-lejl. Uħud mill-persuni li nġabru quddiem id-dar tal-ispettur Azzopardi qalulna li l-bomba “kienet tant qawwija li bħal donnu splodiet kamra tan-nar”.

L-Aġent Kummissarju Ray Zammit u l-Ministru Manwel Mallia kkundannaw dan l-attakk fuq uffiċjal tal-Pulizija.

Bi kliem iebes għal min hu responsabbli għal dan l-attakk, l-Aġent Kummissarju saħaq li l-investigazzjonijiet biex jiġu identifikati dawk wara l-isplużjoni, li setgħet kellha konsegwenzi fatali, huma intensivi. Hu appella għall-kull informazzjoni, anke b’mod kunfidenzjali, li tista’ twassal biex jiġi solvut dan il-każ daqshekk xokkanti.

Stqarrijiet ta’ kundanna waslu wkoll mill-Partit Nazzjonalista, mill-Alternattiva Demokratika, mill-Union Ħaddiema Magħqudin u mill-Assoċjazzjoni tal-Pulizija.

(Ritratti: Chris Schembri Baldacchino)