Lokali Saħħa

Żieda ta’ €32 fil-prezz tal-mediċini għal min ibati bl-Osteoporozi, aktar miż-żieda ta’ 58ċ miġbura f’sena sħiħa

Fil-Budget 2015, il-Gvern mistenni jagħti żieda ta’ 58ċ fil-ġimgħa għall-għoli tal-ħajja, li jammontaw għal €30.16 f’sena sħiħa. Iżda għall-aktar nies vulnerabbli, din iż-żieda mhi se ttaffi xejn mill-problemi li qed jiffaċċjaw. Eżempju mill-aktar ċar huma l-persuni li jkollhom bżonn jieħdu mediċini b’mod regolari minħabba l-kundizzjoni tagħhom, irrispettivament jekk din togħliex jew le.

Persuna li tkellmet ma’ NET News qalet li tbati minn kundizzjoni magħrufa bħala Osteoporozi, li twassal għal nuqqas ta’ densità fl-għadam u tkun il-kawża ta’ ksur serju. Din il-kundizzjoni taffetwa l-aktar lin-nisa wara l-menopawsa. Il-persuna qaltilna li biex tikkontrolla l-kundizzjoni tagħha, hi jkollha tixtri l-mediċina Prolia, li hi injezzjoni li ssaħħaħ l-għadam u li trid tinxtara darbtejn fis-sena.

Aktar kmieni din is-sena, il-prezz ta’ Prolia kien ta’ €244, iżda meta din il-pazjenta marret tixtrieha fl-aħħar jiem, il-prezz għola b’mhux anqas minn €32. Dan juri kif din iż-żieda sostanzjali fil-prezz tal-mediċina se tkun belgħet waħedha ż-żieda li se tingħata għall-għoli tal-ħajja għall-2015.

Kif spjegat din il-pazjenta, 58ċ fil-ġimgħa lanqas biss jibdew mal-ispejjeż tagħha.

Segwi l-kumment tal-pazjenta fil-bulettin ta’ NET News illejla.