L-Abbozz ta’ Liġi li l-Oppożizzjoni qed tressaq fil-Parlament għal stil ta’ ħajja sana, jagħti direzzjoni għal dixxiplina fl-istil ta’ ħajja sana u kultura ta’ edukazzjoni fiżika.
Liġi bla ebda taxxa iżda li titlob rieda mill-politiċi u mill-imsieħba l-oħrajn li jagħtu s-sehem tagħhom dwar il-kura u l-bżonnijiet marbuta mal-kundizzjoni tal-obesità.
Dan fissru d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, li f’isem l-Oppożizzjoni ressaq l-Abbozz ta’ Liġi fil-Parlament b’messaġġ ċar biex pajjiżna jkompli miexi ‘l quddiem b’inizjattiva li permezz tagħha l-Oppożizzjoni mhux tikkritika biss, iżda tipproponi liġijiet li jagħmlu ġieħ.
Abbozz ta’ liġi li se jkun fost l-ewwel fl-Ewropa li jittratta l-obesità fit-totalità tagħha. Liġi li taħdem favur l-edukazzjoni fiżika u dieta bilanċjata għal tnaqqis fl-obesità.
Robert Cutajat appella lill-Gvern biex flimkien mal-Oppożizzjoni jaħdem biex il-liġi tidhol fis-sehh mingħajr kontroversji politiċi bejn iż-żewġ naħat biex jintlaħqu wkoll il-miri tal-WHO biex sas-2020, il-popolazzjoni f’pajjiżna tal-persuni b’piż żejjed tonqos b’5% u aktar, li tfisser €3 miljun fis-sena frankati mill-ispiża tas-saħħa.
Id-Deputat Nazzjonalista fisser li minkejja l-ħafna inizjattivi li ttieħdu fis-snin li għaddew, l-obesità baqgħet tiżdied u l-Oppożizzjoni se tkompli tagħmel ħilitha biex pajjiżna jagħmel ukoll il-pass li jmiss.
Abbozz li jpoġġi lil pajjiżna u lill-poplu f’direzzjoni. Biex mill-kliem ngħaddu għall-fatti. Il-pass li jmiss hu li nieħdu deċiżjonijiet li jagħmlu ddifferenza u jħallu l-frott fis-soċjetà.
Semma kif wara l-Grecja, Malta għandha l-akbar numri ta’ piż żejjed ta’ tfal bejn l-10 u l-11-il sena. 39% minn dawn huma subien u 30% bniet.
Bejn is-7 u l-11-il sena, 40% ta’ tfal għandhom piż żejjed, u fl-età bejn 11 u 13-il sena, Malta tiġi t-tieni wara l-Istati Uniti.
L-obesità hi l-ħames l-aktar kundizzjoni li tikkawża mwiet. Jirriżulta wkoll li 41% tal-mard tal-kanċer hu relatat mal-obesità.
L-Oppożizzjoni qed tipproponi fl-abbozz ta’ liġi, li għandu jkun hemm Kunsill Konsultattiv, mhux Ministru wieħed responsabbli, iżda Kunsill-Interministerjali li jaħdem għas-soluzzjonijiet u jkun il-Kunsill li jara li jidħlu fis-seħħ dak li jiġi propost fil-liġi.
Tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa fl-iskejjel fejn għad hemm skejjel li ma josservawx x’tip ta’ ikel jinbiegħ. L-istess fix-xarbiet, għandhom jiġu mneħħija kull tip ta’ xarbiet minerali biex tinbidel ukoll il-kultura filwaqt li jkun hemm aċċess għall-ilma li għandu jkun disponibbli b’faċilità.
Dan kollu, spjega Robert Cutajar, jista’ jseħħ b’dixxiplina u konsistenza anke min-naħa tal-ġenituri li b’responabbiltà, fid-dar ikun osservat dak li jsir fl-iskejjel.
Dwar il-Kunsilli Lokali, Robert Cutajar qal li dawn ukoll għandhom rwol importanti x’jaqdu b’kampanja ta’ edukazzjoni favur aktar eżerċizzju fiżiku u hemm allokati wkoll flus għal dan l-iskop. Għandhom ukoll jidentifikaw siit biex jippromwovu l-eżerċizzju fiżiku b‘open air gym u korsijiet għar-resident li jippromwovu l-attività fiżika u dieta bilancjata u sana.
Dwar l-eżerċizzju fiżiku fl-iskejjel, jirriżulta li t-tfal bi problemi ta’ obesità li jattendu l-iskejjel privati huma anqas fin-numru, hekk kif fisser li l-isports hu l-aqwa mediċina biex jitbiegħed il-mard.
Appella lill-Kunsill Malti għall-Isports jagħti sehem akbar hekk kif irrimarka b’dispjaċir kif il-Kunsill għamel proġett pilota fi Sptar Monte Carmeli li hu pożittiv, li iżda twaqqaf bl-iskuża li m’hemmx finanzi.
Robert Cutajar appella wkoll għal aktar investiment fl-isport biex innaqqsu l-obesità.
//= $special ?>

