Il-Pulizija qed tinvestiga s-sejba ta’ katavru ta’ anzjana li hu maħsub li dehret l-aħħar madwar tliet xhur ilu. Il-katavru tal-mara, li għandha 64 sena, instab ilbieraħ fir-residenza tagħha fi Triq id-Dar ta’ Pultu f’Birżebbuġa. Hu mifhum li l-mara nstabet wiċċha ‘l fuq mal-art qrib is-sodda u hu maħsub li mietet mewta naturali.
Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija kkonfermaw ma’ MaltaRightNow.com li l-istat tal-katavru kien “agħar minn dekompost”, hekk kif ninsabu nfurmati li partijiet minnu kien saħansitra bl-għadam jidher. Is-sorsi li tkellmu magħna kkonfermaw li minkejja li kollox jindika li l-anzjana mietet b’kawża naturali, testijiet fuq il-katavru mistenni jistabilixxu l-kawża propja tal-mewt u kemm ilha li mietet.
Persuni li kienu għaddejjin mit-triq innutaw riħa qawwija ħierġa mid-dar tal-anzjana u rrappurtaw dan lill-Pulizija. Membri mid-Distrett marru fir-residenza, fejn sabu l-katavru fil-kamra tas-sodda.
//= $special ?>