Lokali

Bit-58 ċenteżmu se ngawdu mill-ġid tal-pajjiż

Għall-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, bit-58 ċenteżmu għall-ogħli tal-ħajja dawk li jgħixu bil-paga minima jew bil-benefiċċji soċjali se jkunu qed igawdu mill-ġid tal-pajjiż.

Iddeċidejna nieħdu l-kumment tal-Ministru Scicluna wara li fl-aħħar ġranet żorna numru ta’ lokalitajiet biex nieħdu r-reazzjoni tal-pubbliku dwar it-58 ċenteżmu li l-gvern se jagħti l-poplu Malti u Għawdxi għall-ogħli tal-ħajja, bir-reazzjoni tan-nies li tawna kumment tkun li 58 ċenteżmu mhux biżejjed.

Iżda wara li spiċċat il-konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżura fiskali b’rabta mad-donazzjonijiet tal-Istrina 2014, u wara li ħadna kumment lill-Ministru dwar din il-miżura, staqesnih wkoll jekk jaħsibx li dawn it-58 ċenteżmu humiex biżejjed għall-familji Maltin u Għawdxin. Il-Ministru ġġustifika t-58 ċenteżmu billi qali li l-inflazzjoni s-sena l-oħra kienet baxxa u kompla billi qal li dawk il-persuni li qegħdin fuq il-paga minima jew fuq benefiċċji soċjali, għandhom igawdu mill-ġid tal-pajjiż u l-aspett li jkun hemm kumpens ieħor għal min hu batut qiegħed hemm bil-gvern qed jindirizzha.

Dan ifisser li dawk il-persuni li jgħixu b’paga minima jew fuq il-benefiċċji soċjali issa se jgawdu mill-ġid tal-pajjiż billi l-gvern se jtijhom 58 ċenteżmu fil-ġimgħa għall-ogħli tal-ħajja.