Kultura

Dramm fit-Teatru Manoel f’għeluq il-100 sena mit-twelid ta’ Ġużè Chetcuti

F’għeluq il-mitt sena mit-twelid tad-drammaturgu Ġużè Chetcuti, il-kumpanija Talenti, flimkien mat-Teatru Manoel, se jippreżentaw d-dramm Il-Kuluri tal-Perlini, kitba ta’ Żep Camilleri, addattata mid-dramm Imħuħ Morda, ta’ Ġużè Chetcuti. Dan id-dramm f’żewġ atti, se jkun preżentat fl-14, 15 u 16 ta’ Novembru, fit-Teatru Manoel, fit-8.00pm. Ċert. 12+.
F’raħal ċkejken qrib il-baħar tinġabar il-familja ta’ Anton, awtur ta’ rumanzi u poeżiji, u bniedem b’ideat partikulari, għall-btajjel tal-karnival. Miegħu jieħu ’l martu Lizette, li darba kienet żeffiena tal-ballet, artista Franċiża miġjuba f’Malta ħafna snin qabel, minn oħt Anton, l-impreżarja Emilia. Binthom Suzanne, ta’ 18-il sena, tkun diġà bdiet tifforma ideat ftit strambi, l-effett tal-qari tal-kotba ta’ missierha.
Il-ġrajja kollha sseħħ f’misraħ ċkejken fil-qalba tar-raħal fejn jiddomina ħanut tipiku raħli tax-xorb, proprjetà ta’ Netta. Parruċċan frekwenti f’dan il-ħanut ikun Totinu, ġardinar li fih tidher arja ta’ sinjur fallut, għalkemm moħħu dejjem jhewden fuq il-flus u l-ġid. Ma’ dawn jiżdiedu Dr Alex Calamatta, psikjatra u ħabib mit-tfulija ta’ Anton, li jkun imqabbad jieħu ħsieb lil Lizette għax Anton ikun qed jissuspetta ħażin fiha, u Oswald, il-maħbub ta’ Suzanne, ġuvni bi problemi familjari.
Id-dramm jittratta dwar il-problemi ta’ kull karattru. Dik ċentrali tkun ta’ Anton li minn xi żmien ikun tilef il-fiduċja ta’ martu Lizette lejh, u tiegħu fiha. Iżda l-intriċċi bejn il-karattri ta’ dan ix-xogħol ma jonqsux, l-aktar meta nsiru nafu li żmien qabel Alex Calamatta kellu ġibda kbira lejn Lizette għad-dispett ta’ żewġha u ħabibu Anton.
X’relazzjoni kellu Alex ma’ Emilia, oħt Anton? Xi jkun sew għall-moħħ ħafif ta’ Totinu? Kemm għandha tkun fdata Netta? Kif jaffettwaw il-problemi familjari ta’ Oswald?
Dan it-thriller jidentifika l-problemi soċjali li wieħed jiltaqa’ magħhom kuljum, u ta’ dejjem – imħabba, tradiment, suspetti, spjunaġġ u elementi oħrajn koroh u ftit pjaċevoli li l-kundizzjoni umana fl-agħar waqtiet tagħha taf tigglorifika.
Jieħdu sehem: Mario Micallef, Monika Attard, Antonella Galea Loffreda, Anthony Ellul, Marvic Cordina, Larissa Bonaci, Mario Spiteri (Snitz), Clive Piscopo u Nico Micallef.
Id-direzzjoni sa tkun f’idejn Żep Camilleri.
Il-booking jinsab miftuħ mil-booking tat-Teatru Manoel, tel: 21246389.
Email: bookings@teatrumanoel.com.mt Jew online: www.teatrumanoel.com.mt.