Lokali

Id-deċiżjoni tal-Gvern li jgħolli l-kera tal-akkomodazzjoni soċajli tolqot madwar 15,000 familja

Bosta familji li joqgħodu f’akkomodazzjoni soċjali fl-aħħar jiem inħasdu bid-deċiżjoni tal-Gvern li jgħolli l-kera tal-akkomodazzjoni tagħhom. Sostna dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Clyde Puli waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Awtorità tad-Djar fil-Furjana. Spjega li din id-deċiżjoni tal-Gvern tolqot madwar 15,000 familja.

Clyde Puli ta eżempju konkret ta’ każi fejn minn €50 il-kirja żdiedet għal €200 fis-sena. Fakkar li fl-2010, minkejja li kellu l-jedd skont il-Liġi li jgħolli l-kera tal-akkomodazzjoni soċjali, Gvern imexxi mill-PN għażel li ma jagħmilx dan. Fakkar ukoll li fil-leġislatura preċedenti, Gvern Nazzjonalista kien ħareġ skema li permezz tagħha ngħatat għajnuna lill-persuni vulnerabbli li għandhom kirja mal-privat.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li fl-2013 il-faqar żdied b’6,000 persuna u din id-deċiżjoni tal-Gvern tkompli titfa’ piż fuq familji f’sitwazzjoni vulnerabbli minflok tonora l-wegħda li Gvern Laburista se jeqred il-faqar.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet ħadet sehem ukoll il-kandidata ġdida tal-PN Graziella Schembri, li qalet li din id-deċiżjoni tal-Gvern flimkien maż-żieda fir-rata tal-eżamijiet tal-Matsec, il-prezzijiet fissi tal-fuel, iż-żieda tal-għoli tal-ħajja li qed jingħad li se tkun 58ċ biss u l-aħħar mistoqsijiet fuq jekk hux se jiżdiedu n-nollijiet tat-trasport pubbliku qed iżidu l-piż fuq il-familji Maltin, b’mod partikolari fuq il-familji vulnerabbli.