Lokali

IL-BOMBA FIŻ-ŻURRIEQ: il-Kunsill jappella għall-għajnuna tan-nies

Il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq jinsab maħsud għall-aħħar bl-attakk permezz ta’ bomba fuq il-ħajja tal-familja tal-Ispettur Geoffrey Azzopardi, residenti fl-istess lokal, li seħħ fis-sigħat bikrin ta’ nhar it-Tlieta. Il-Kunsill ikkundanna bil-qawwa kollha dan ir-reat vjolenti.

Filwaqt li wera s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-Ispettur Azzopardi, il-familja tiegħu u l-ġirien tagħhom fi Blue Grotto Avenue, li wkoll spiċċaw sofrew ħsarat fir-residenzi privati rispettivi, il-Kunsill fi stqarrija esprima s-sodisfazzjon tiegħu li ħadd ma weġġa’ f’dan l-attentat kodard.

Il-Kunsill ħeġġeġ liċ-ċittadini biex kemm jista’ jkun jgħinu lill-Korp tal-Pulizija bl-aħjar mod possibbli, billi jirrapportaw u jgħaddu kull informazzjoni relatata. Dan it-tagħrif, żgħir kemm hu żgħir, faċilment jista’ jiġi utli lill-investigaturi. Dan jista’ jsir anke b’mod kunfidenzjali fuq in-numru tat-telefown 21224001. B’hekk min kien responsabbli jitressaq quddiem il-ġustizzja malajr kemm jista’ jkun u jħallas kif jixraq ta’ għemilu.

L-istqarrija tgħid illi l-ebda ħajja, hi ta’ min hi, m’għandha qatt tiġi mhedda jew imqiegħda f’riskju serju b’dan il-mod, wisq inqas dik ta’ uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija li wkoll jaqdu dmirhom sew fil-protezzjoni u għas-servizz tas-soċjetà tagħna.