Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon l-inizjattiva li tħabbret dalgħodu biex negozji li jagħtu donazzjoni ta’ aktar minn 2,000 ewro lill-Malta Community Chest Fund jingħataw tax-rebate. Din hija inizjattiva pożittiva li tibni fuq inizjattivi li daħlu fis-seħħ fil-leġiżlaturi li għaddew.
Fi stqarrija f’isem Claudette Buttigieg, l-Kelliem għad-Djalogu Soċjali u l-Libertajiet Ċivili u Tonio Fenech l-Kelliem għall-Finanzi, l-Partit Nazzjonalista jesprimi diżappunt għall-fatt li bil-miżuri kif iddaħħlet, il-Gvern qiegħed jiddiskrimina bejn l-għaqdiet mhux governattivi u istituzzjonijiet li jiddependu fuq il-ġenerożità ta’ benefatturi u negozji b’mod regolari.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li kull inizjattiva ta’ tnaqqis fit-taxxa marbuta ma’ donazzjonijiet m’għandiex tkun esklussivament għal entità waħda, iżda għandha tapplika għal donazzjonijiet lill-NGO’s u istitutzzjonijiet tal-karità f’Malta u Għawdex.
F’dan id-dawl, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jappella lill-Gvern biex mill-aktar fis possibli, jirrevedi din l-iskema u jiftaħha għal kull donazzjoni li tingħata lill-NGO’s u l-entitajiet kollha tal-karità f’pajjiżna.
//= $special ?>

