Il-poplu Malti u Għawdxi bir-raġun li m’għandux fiduċja fil-Ministru tat-Traffiku Joe Mizzi.
Fi stqarrija l-PN qal illi wara ġimgħat jilgħab bil-kliem u jgħaddi biż-żmien lill-ġurnalisti, lbieraħ, il-Ministru tat-Traffiku ħabbar li l-poplu Malti u Għawdxi se jkun qed iħallas is-somma ta’ 23 miljun ewro fis-sena bħala sussidju għat-trasport pubbliku. Dan ifisser li kull sena, l-poplu Malti u Għawdxi se jkun qed iħallas aktar mid-doppju ta’ dak li kien iħallas għas-sussidju mal-kumpanija li kienet tmexxi t-trasport pubbliku sa ftit tax-xhur ilu. Filwaqt li s-sussidju taħt il-Ministru Joe Mizzi se jkun ta’ €23 miljun, s-sussidju qabel kien biss ta’ €10 miljun.
Iżda l-Ministru tat-Traffiku ma jafx jieqaf jaħbi. Ilbieraħ qal li għadu ma ffirmax il-kuntratt dwar is-servizz il-ġdid tat-trasport pubbliku. Fl-istess ħin iżda qal li hemm ftehim dwar is-sussidju. Imbagħad, minkejja li sarulu diversi mistoqsijiet, baqa’ jinsisti li jaħbi l-prezzijiet il-ġodda li se jkollhom jibdew iħallsu dawk li jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku.
Il-PN saħaq illi l-Ministru Joe Mizzi għandu minnufih jieqaf jidħaq bil-poplu Malti u Għawdxi u jgħid kemm se jkunu l-prezzijiet il-ġodda, u jekk hux se jinbidlu minn dawk preżenti. Bħalissa, biljett ta’ ġurnata jiswa’ €1.50 u 50c għall-anzjani u t-tfal, waqt li biljett ta’ ġimgħa jiswa’ €6.50 u €2.30 għat-tfal u l-anzjani.
Fl-istqarrija, il-PN qal illi Joe Mizzi u Joseph Muscat diġà qed jammettu li qed jgħabbu lill-poplu Malti u Għawdxi b’piż ta’ sussidju aktar mid-doppju għat-trasport pubbliku u qed jibqgħu jaħbu kemm se jgħabbu fuq il-passiġġieri f’nollijiet.
//= $special ?>