Wara l-attakk fuq l-Ispettur Geoffrey Azzopardi, l-investigazzjonijiet qed iduru ma’ filmati miġbuda mis-sistema tas-CCTV, li mistennija jkunu kruċjali biex jgħinu lill-Pulizija fl-istħarriġ tagħhom. Il-Maġistrat tal-għassa Natasha Sciberras ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-istħarriġ. Fost dawn, hemm l-Avukat Martin Bajada, li beda jinvestiga mill-ewwel il-filmati tas-CCTV.
Il-ġurnal In-Nazzjon, li qed ikompli jsegwi l-aħħar żviluppi wara dan l-attakk, illum qed jiżvela li ftit tal-ħin qabel seħħet l-isplużjoni, jidher li waqfet quddiem id-dar tal-familja Azzopardi vann tat-tip Toyota ta’ lewn ċar. Ftit mumenti qabel ħadet il-bomba, mill-bieba ta’ wara tal-vann jidher ħiereġ xi ħadd, li mistenni jkun qed jgħin fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
Barra minhekk, matul il-jum tal-bieraħ, membri tal-Forensika u tal-Fotografija tal-Pulizija dehru jiġbru l-informazzjoni kollha fid-diversi forom tagħha biex tgħin fl-investigazzjonijiet.
Aktar informazzjoni dwar x’ġara lbieraħ u l-investigazzjonijiet fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal In-Nazzjon.
//= $special ?>