Lokali Parlament

Jiżvela kif il-Partit Laburista akkwista l-Każin Laburista tar-Rabat u l-Freedom Press

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami żvela fil-Parlament kif il-Partit Laburista fil-Gvern fis-snin sebgħin, ħataf u seraq proprjetà fiċ-ċentru tar-Rabat li kienet għassa tal-Puliizja, bidilha f’każin u mill-idea li l-proprjetà tiġi mikrija, bidilha f’ċens biex ħadd ma tkun tista’ tittieħed.

Żvela wkoll id-dettalji ta’ kuntratt li l-eks-Mexxej Laburista Duminku Mintoff kien iffirma f’ismu personali u f’isem il-partit tiegħu, biex jakkwista fil-Marsa l-bini ta’ kumpanija taż-żejt ewlenija, l-Esso, li wara iġġieled magħha u keċċiha, beda jixtri ż-żejt mingħand Gaddafi bi tripplu tal-prezz.

Beppe Fenech Adami qal meta tkellem fil-Parlament dwar il-liġi li tirregola l-finanzjament tal-partit, li l-abbozz ta’ liġi kif ippreżenta l-Gvern, se jara lill-Partit Laburista fil-Gvern ikompli jaħtaf u jkompli jgawdi minn proprjetà li mhux tiegħu għas-snin li gejjin.

Bir-riga ta’ dan il-Gvern, qal Beppe Fenech Adami, kif il-Partit Laburista seraq 28 proprjetà pubblika u prvata għal każini Laburisti, mhux serq, iżda bir-riga tal-Opppożizzjoni dan hu aġir immorali, abbużiv u li jammonta għal serq ta’ proprjetà taċ-ċittadini u tal-pubbliku Malti.

Beppe Fenech Adami qal li l-Partit Nazzjonlista hu favur li jkollna liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti u jemmen f’liġi li tirregola t-traspareza, l-iskrutinju u l-kontabbiltà tal-partiti. Fisser li l-Oppożizzjoni taqbel f’demokrazija b’saħħitha li ma tkunx dipendenti fuq donazzjonijiet moħbija, li ma jidhrux u ta’ ċertu ammont mingħajr ma jkun hemm kontabbiltà u rekord dwarhom.

Fisser ukoll li hemm qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni li jkollna liġi li tirregola d-donazzjonijiet lill-partiti. Iżda l-mod kif żvolġa d-dibattitu fil-Parlament, qed naraw attitudni tal-Gvern li hi ipokrita u li qed tipproġetta gidba. Dan għaliex dan hu Gvern li qed jgħid li hu skandalizzat b’Oppożizzjoni li qed titkellem fuq kunċett favur finanzjament lill-partiti mill-istat.

L-Oppożizzjoni mhix qed tivvinta r-rota meta qed tipproponi finanzjament mill-istat, għaliex fid-dinja kollha jeżistu sistemi b’liġijiet stretti mill-istat fl-għajnuna li jagħti l-istat lill-partiti.

Filwaqt li dan hu Gvern li qed iħossu skandaluż dwar il-proposta ta’ finanzjament tal-istat lill-partiti, għandna partit fil-Gvern li għal għexieren ta’ snin ilu jiġi ffinanzjat mill-istat u minn proprjetà li kienu tal-privat u tal-pubbliku kollu – proprjetà tagħna lkoll. Kien il-Partit Laburista li għamel din il-prorpjetà tiegħu biss.

Qal li kien mod oxxen kif il-Partit Laburista tul is-snin ħataf postijiet tal-Gvern u li kienu tal-privat u għamilhom każini Laburisti. Dan hu partit li fil-Gvern ħa 28 postijiet pubbliċi jew privati fil-Furjana, fil-Birgu, f’Ħal Għaxaq, fil-Gudja, fl-Isla, fl-Imsida, f’Ħal Qormi, fir-Rabat f’Għajn Tuffieħa u f’tant oħrajn.

Il-Partit Laburista, qal Beppe Fenech Adami, għandu diversi każini f’postijiet ċentrali u ewlenin, bħalma hu l-każin tal-Partit Laburista fin-Naxxar, u fakkar fil-kalavarju li għadda minnu l-PN meta ried jiftaħ każin fin-Naxxar waqt li l-binja li ħa l-Partit Laburista fin-Naxxar biex bidilha f’każin, insterqet mill-privat.

L-istess jista’ jingħad għall-każin li seraq il-Partit Laburista fit-triq prinċiplai f’Santa Venera, meta fl-istess waqt li Partit Laburista għadda lill-każin tal-Banda ta’ Santa Venenra minn kalvarju biex ingħataw il-proprjetà.
Semma’ wkoll il-każin tar-Rabat f’Malta. Beppe Fenech Adami qal li dan hu każin fl-aħjar pożizzjoni ċentrali tar-Rabat meta qabad post li kien għassa tal-pulizija biex bidilha f’każin Laburista – eżempju ċar kif gvernijiet Laburisti kienu istituzzjonalizzaw l-abbuż.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista żvela kif dan jirriżulta wkoll mill-programm kommemorattiv li kien ippubblikat erba’ snin ilu mill-Partit Laburista tar-Rabat biex jiġi ċċelebrat il-25 sena mill-ħtif ta’ għassa biex bidilha f’Każin Laburista.
Żvela kif waqt seduta tal-Kumitat Laburista, Daniel Micallef ressaq talba biex jikteb lill-Ministru Patrick Holland biex jagħmel użu mill-għassa tar-rabat. It-talba saret u kien irrimarkat ukoll li bħala għażla ta’ post, dan ma setax ikun aħjar.
Il-Kumitat Laburista kien imsejjaħ dwar dan u f’laqgħa mal-Ministru Holland intweriet ix-xewqa li l-għassa tinbidel f’każin, u li kienu ħarġu mil-laqgħa bl-impresjsoni li l-għasaa ssir każin.

U biex il-Partit Laburista jkompli jikkonferma kemm il-ħażin prova jagħmlu tajjeb, fil-programm kommemorattiv inkiteb ukoll li l-Kumitat Laburista tar-Rabat kien ukoll qed jirsisti biex il-kirja tigi mdawra b’cens, u b’hekk ikun ifisser li l-proprjeta ssir tal-Partit.

Kien f’April tal-1976 li l-Kumitat tal-Partit Laburista tar-Rabat kien infurmat li l-kuntratt kien lest, u l-kuntratt kien iffirmat b’ċens ta’ 60 lira fis-sena.

Il-Partit Laburista, qal Beppe Fenech Adami, ma waqafx biss fis-serq ta’ proprjetà pubblika u privata mingħand in-nies, għax meta ġieh l-aptit baqa’ jiffanga, u ffanga bil-kbir.

Fil-każ tal-iskandlu tal-Autsralia Hall, sostna l-Viċi Kap tal-PN, dak li seħħ fl-aħħar xhur dwar l-Australia Hall hu skandlu li permezz tiegħu il-Partit Laburista daħħal fil-but aktar minn €10 miljun.

Fisser li l-art li għandu l-Partit Laburista f’Pembroke hi mifruxa fuq aktar minn 11,000 metru kwadru ta’ proprjetà – għaxart itmiem – daqs ground tal-futbol u nofs fi primesite bħalma hi Pembroke.

Il-Viċi Kap tal-PN qal ukoll li l-Partit Laburista akkwista b’mod oxxen din l-art meta dan il-Prim Ministru Joseph Muscat ħafer kawża fil-Qorti lill-partit tiegħu stess u jakkwista 11,000 metru kwadru ta’ art.

Irrefera wkoll għall-argument tal-Partit Laburista li jgħid li dan kien bi tpartit mal-proprjetà tal-Marsa, u qal li din hi skuża bla ebda bażi legali. Dwar it-tpartit li jgħid li għamel il-Partit Laburista meta partat il-Freedom Press mal-art ta’ Pembroke, Beppe Fenech Adami spjega fil-Parlament kif il-Gvern ta’ Mintoff kien ħa f’idejh il-Freedom House fil-Marsa.
Minn riċerka li għamel, jirriżulta li l-proprjetà tal-Freedon Press inxtrat mill-Partit Laburista fis-sittinijiet biex jibni stamperija.

Filwaqt li l-ewwel mistoqsija tkun għalfejn stamperija tinbena f’zona importanti marittima qrib il-port, qal li fil-kuntratt tal-1963, fuq parti waħda kien jidher il-Mexxej Laburista Duminku Mintoff f’isem il-Partit Laburista, iżda wkoll f’ismu personali.

Beppe Fenech Adami qal li dik l-art kienet tal-Esso, wieħed minn tliet importaturi ewlenin taż-żejt u l-fuel f’pajjizna f’dawk iż-żminijiet, u li għal din il-kumpanija kien kruċjali li takkwista post fiz-zona tal-Marsa. Fisser ukoll li d-domanda toħroġ waħeda, kif l-Esso tbigħ art qrib il-port lill-Partit Laburista?

Żvela wkoll li Mintoff, fil-kwalità tiegħu personali, jagħmel riferenza għal kuntratt ta’ kera li hu kellu personali mal-Esso dwar din l-art li qed jixtri l-Partit Laburista mill-kumpanija taż-żejt li qed tbigħ asset importanti fl-operat tagħha.
Semma wkoll kif il-Partit Laburista ma kellux relazzjoni tajba mal-Esso, tant li kif il-Partit Laburista tela’ fil-Gvern, mal-ewwel opportunità li kellu għamel gwerra kontra l-Esso u tefagħhom ‘il barra. Fakkar li lejlet il-Milied tal-1973, Mintoff keċċa lill-Esso minn Malta u tefa’ lill-ħaddiema ‘l barra.

Irriefera wkoll għal komunikat li tirriżulta wkoll mill-WikiLeaks bejn l-Ambaxxata Maltija f’Malta u d-Dipartiment tal-Istat Amerikan, fejn jingħad li l-Ambaxxatur tkellem mad-Direttur tal-Esso.

Beppe Fenech Adami qal li l-Partit Laburista spiċċa li xtara mingħand l-Esso, kellu gwerra magħha u mbagħad keċċiha bl-iskuża li riedet tgħolli l-petrol, u mill-għada jibda jixtri ż-żejt mingħand Gaddafi bit-tripplu tal-prezz.
Dwar dan, Beppe Fenech Adami qal li l-Parti Laburista għandu ħafna x’jispjega għax in-negozju ma kienx sempliċi fil-mod kif il-Partit Laburista akkwista l-Freedom Press.

Fakkar ukoll li l-Partit Laburista ngħata prorpjetà alternattiva oħra għall-Freedom Press – il-proprjetà li llum topera minnha l-media Laburista fil-Marsa. U dan ukoll fid-dawl tal-fatt li l-Partit Laburista telaq mill-Freedom Press u akkwista għaxart itmiem f’Pembroke.

Filwaqt li qal li dan hu gvern li għandu storja bħala partit li jemmen li għandu jiffinanzja lilu nnifsu biss, ikkwota wkoll lill-Ispeaker Anġlu Farrugia meta kien sar il-political murder fuqu mill-Partit Laburista, meta f’intervista kien qal li l-Partit Laburista m’għadux il-partit tal-ħaddiema iżda l-partit tan-negozjanti.

Beppe Fenech Adami fakkar kif qabel l-elezzjoni, il-Partit Laburista kien jilqa’ negozjanti li jiġu mwiegħda kull ma jridu, u staqsa kemm dawk li qed jakkwista minn dan il-Gvern illum qed isarrfu dak li investew fil-Partit Laburista qabel l-elelzzjoni.
Staqsa wkoll jekk il-Partit Laburista kellux kuntatti qabel l-elezzjoni ma’ Henley & Pasrtners li llum qed tqabbad lill-Prim Ministru Muscat biex ikun is-salesperson tagħhom fil-bejgħ taċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna.

Beppe Fenech Adami qal li l-Partit Laburista qed jistituzzjonala t-twettiq tal-wegħdi li għamel qabel l-elezzjoni, u li dan hu abbuż.