Internazzjonali Lokali

L-elezzjonijiet fit-Tuneżija huma pass ‘il quddiem għad-demokrazija – il-PN

L-elezzjonijiet liberi li saru l-ġimgħa li għaddiet fit-Tuneżija, li permezz tagħhom numru ta’ partiti politiċi ġew eletti fl-Assemblea, huma pass importanti u sod fit-triq tad-demokrazija. Il-tibdil fil-Kostituzzjoni f’Jannar li għadda wassal għal aktar drittijiet li diġà bdew jagħtu riżultati fl-elezzjoni tal-ġimgħa li għaddiet.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici, il-Partit Nazzjonalista qal li kien, għadu u jibqa’ viċin il-poplu Tuneżin, b’mod speċjali issa li għaraf kif dawn l-elezzjonijiet kapaċi jimmarkaw staġun demokratiku ġdid li qed jibni fuq il-bidliet li seħħew fl-aħħar tliet snin.

Il-PN jawgura lit-tmexxija tal-partiti l-kbar biex ikomplu jagħrfu din id-direzzjoni li twassal għal garanzija ta’ ġid. Passi bħal dawn fit-Tuneżija kapaċi jwasslu għal aktar paċi u stabbiltà fil-Mediterran, temmet tgħid l-istqarrija.