David James, l-eks-gowlkiper ta’ Liverpool u Manchester City, qed jiffaċċja diffikultajiet finanzjarji kbar, tant li hu kostrett ibiegħ mijiet ta’ oġġetti tal-futbol personali – inklużi blalen u qomos iffirmati – li kien irnexxielu jiġbor tul karriera twila fl-ogħla livell tal-kampjonat Ingliż.
James, li għandu 44 sena, lagħab 53 darba għall-Ingilterra waqt li hu stmat li qala’ madwar 20 miljun lira Sterlina tul karriera li damet 25 sena. Intant, hu iddikjara lilu nnifsu fallut f’Mejju, b’rapport li kien deher f’The Sun isostni li James tella d-djun enormi wara li ddivorzja lill-eks-mara tiegħu fl-2005.
Il-fatt li James – li anki għamel żmien jimmudella għad-ditta tal-moda Armani – kellu jiffaċċja problemi finanzjarji daqstant akuti ħalla lil ħafna sopriżi, speċjalment meta wieħed iqis li hu kien għadu l-ewwel għażla bħala gowlkiper tal-Ingilterra matul it-Tazza tad-Dinja tal-2010.
Illum, David James hu l-gowlkiper u manager ta’ Kerala Blasters, tim fis-Super League tal-Indja, minbarra li jaħdem bħala analista tal-futbol ma’ BT Sport.
James anki poġġa għall-bejgħ vann tat-tip Astra li hu modifikat skont l-ispeċifikazzjonijiet personali tiegħu. Kulmin jattendi l-irkant – li jagħlaq fit-18 ta’ Novembru – jista’ jqiegħed offerta għal mill-anqas 150 flokk u shorts tal-futbol iffirmati, minbarra blalen li kienu intużaw snin ilu, għal-logħba tal-Kampjonat Ingliż.
Ma’ dawn l-oġġetti wieħed isib ukoll gear tal-futbol tat-tim nazzjonali Ingliż bil-firem tal-plejers fl-iskwadra u flokk tal-gowlkiper ta’ Portsmouth. Mistenni li l-offerti jibdew minn minimu ta’ 30 sa 50 lira Sterlina għal kull oġġett.
Oġġetti oħra għall-irkant fost il-proprjetà ta’ David James jinkludu tagħmir għall-eżerċizzju u tagħmir ieħor li jinteressa l-aktar lid-DJs. Hemm ukoll diski tal-vinyl, kotba u numru sostanzjali ta’ ġugarelli.
//= $special ?>

