Iċ-Ċhampions Ewropej Real Madrid u Borussia Dortmund kisbu r-rebħiet meħtieġa li jfissru kwalifikazzjoni mill-gruppi rispettivi. Madankollu kien hemm diżappunt kbir għal Arsenal, ir-rivali ta’ Dortmund fi Grupp D, li raw vantaġġ ta’ tliet gowls jisfuma fl-aħħar nofs-siegħa tal-konfront ma’ Anderlecht fl-Emirates Stadium ta’ Londra.
Juventus żammew ħajjin it-tamiet ta’ kwalifikazzjoni minn Grupp A b’rebħa missielta fuq il-Griegi Olympiakos f’Turin, waqt li Atletico Madrid, il-favoriti li jirbħu l-grupp, għelbu lil Malmo tal-Iżvezja barra minn darhom.
Fi Grupp Ċ Bayer Leverkusen ħarġu bit-tliet punti mill-ground diffiċli ta’ Zenith St Petersburg waqt li Benfica kisbu l-ewwel rebħa għall-ispejjeż ta’ Monaco
GRUPP A
Juventus bilfors kellhom jirbħu kontra Olympiakos biex jibqgħu jissieltu għall-kwalifikazzjoni u rnexxielhom wara battikata kbira mat-tim li kien rebħilhom ix-xahar li għadda fil-Greċja.
Andrea PIRLO, li kien qed jilgħab il-100 logħba tiegħu fiċ-Champions League, poġġa lill-Bianconeri fil-vantaġġ bi freekick wara 20 minuta, iżda Olympiakos wieġbu tliet minuti wara minn Alberto BOTIA. Fit-tieni taqsima, Delvin NDINGA ssorpenda lill-gowlkiper Buffon b’daqqa ta’ ras, iżda mbagħad Juve qalbu r-riżultat f’żewġ minuti bl-awtogol ta’ Roberto u x-xutt ta’ Paul POGBA minn tarf il-kaxxa għat-3-2 finali. Fil-ħin miżjud Arturo Vidal ra penalty milqugħ minn Jimenez Gago wara foul fil-kaxxa fuq Carlos Tevez.
Intant, il-liders tal-grupp Atletico Madrid ikkonsolidaw posthom f’ras Grupp A b’rebħa 2-0 fuq Malmo. Fl-ewwel taqsima KOKE sab ir-rokna tax-xibka għall-Madrileni b’xutt qawwi, b’Raul GARCIA jagħlaq kull diskors fit-78 minuta
GRUPP B
Real Madrid ikkwalifikaw bħala rebbieħa tal-grupp b’rebħa 1-0 fuq Liverpool fi Spanja bir-Reds, issa, qed jittamaw li jgħaddu bħala t-tieni tim, għalkemm iridu jiffaċċjaw sfida serja min-naħa ta’ Basel u Ludogorets.
Liverpool biddlu seba’ plejers mit-tim li tilef nhar is-Sibt kontra Newcastle United fil-Premiership, b’Real jiddominaw għal kollox l-ewwel taqsima, bil-gowl ta’ Karim BENZEMA jifred lin-naħat sal-mistrieħ. Fit-tieni taqsima Liverpool marru qrib minn Adam Lallana iżda Real ikkontrollaw lill-avversarji, bil-gowlkiper tar-Reds, Mignolet, iwettaq saves diffiċli fuq it-tentattivi ta’ Ronaldo u Gareth Bale.
Fil-logħba l-oħra tal-grupp, Basle ma fallewx ma’ Ludogorets, b’rebħa komda 4-0 li tpoġġihom tieni fil-grupp, bi tliet punti aktar minn Liverpool. Sal-mistrieħ l-Iżvizzeri kienu fetħu vantaġġ doppju minn Breel EMBOLO u Derlis GONZALEZ, bil-gowls l-oħra jaslu minn Shkelzen GASHI u Marek SUCHY.
GRUPP Ċ
Bayer Leverkusen kisbu t-tieni rebħa f’ġimgħatejn fuq Zenit St Petersburg biex għamlu pass importanti lejn il-kwalifikazzjoni. Zenit ma setgħux japprofittaw mill-fatt li kienu f’darhom, bl-attakkant Korean ta’ Bayer, Son HEUNG-MIN jaħsadhom b’żewġ gowls f’ħames minuti lejn l-aħħar tat-tieni taqsima. Ir-Russi wieġbu b’gowl uniku ta’ Salomon RONDON fit-88 minuta, iżda d-difiża ta’ Leverkusen kkontrollat il-vantaġġ sat-tmien.
Waslet ukoll l-ewwel rebħa għal Benfica f’dan il-grupp, bil-gowl ta’ Anderson TALISCA, għaxar minuti mit-tmiem, jiddeċiedi l-konfront ma’ Monaco fl-Estadio da Luz ta’ Lisbona. Ir-riżultat ifisser li tliet tims qed jissieltu għat-tieni post, wara Leverkusen li għandhom vantaġġ ta’ ħames punti fuq it-tieni tim, Monaco.
GRUPP D
Borussia Dortmund għelbu lil Galatasaray tat-Turkija 4-1 biex aċċertaw mill-kwalifikazzjoni għar-round li jmiss, bi tnax il-punt minn erba’ logħbiet. Il-Ġermaniżi marru fil-vantaġġ minn Marco REUS fl-ewwel taqsima, b’SOKRATIS jirdoppja wara l-mistrieħ u b’Galatasaray inaqqsu l-iżvantaġġ bid-daqqa ta’ ras ta’ Hakan BALTA. Dan il-gowl, iżda, serva bħala spinta għal Dortmund li sabu x-xibka darbtejn oħra minn Ciro IMMOBILE u awtogol ta’ Semih Kaya, ħames minuti mit-tmiem.
Arsenal dehru resqin lejn kwalifikazzjoni komda meta, fl-Emirates Stadium, fetħu vantaġġ 3-0 fuq Anderlecht b’gowls ta’ Mikel ARTETA (penalty) Alexis SANCHEZ u Alex OXLADE-CHAMBERLAIN. Iżda l-Belġjani wettqu reazzjoni inkredibbli b’doppjetta ta’ Anthony VANDEN BORRE, wieħed minnhom minn penalty u d-diving header ta’ Aleksandar MITROVIC, li wasal fl-aħħar minuta tal-konfront u ħalla lill-Gunners frustrati.

