Lokali

Residenta f’San Vinċenz tittieħed għall-Quddiesa tal-Ħadd u tispiċċa fl-Għassa tal-Fgura

Ritratt mill-arkivji

Pazjenta residenti f’San Vinċenz de Paul spiċċat l-Għassa tal-Fgura għax nesewha fil-vann li kien qed iwassal lilha u lil anzjani oħrajn lura lejn San Vinċenz.

Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda meta l-anzjana kienet ma’ grupp ta’ anzjani li nħarġu mis-Sala biex jittieħdu għall-Quddiesa. Fi tmiem il-Quddiesa, akkumpanjati mix-xufier tal-vann u infermiera tar-Residenza, l-anzjani ttieħdu lura lejn is-Sala … ħlief din l-anzjana partikolari.

Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li l-anzjana ntesiet fil-vann tar-Residenza, inkluż mix-xufier li wara li niżżel lill-anzjani mar id-dar tiegħu għax ma ndunax li kien għad fadallu n-nies fil-vann.

Jirriżulta li xi persuni li kienu mexjin fit-triq fejn joqgħod ix-xufier, fil-Fgura, raw lill-anzjana fil-vann. B’xi mod huma ħarġu lill-anzjana mill-vann u akkumpanjawha lejn l-Għassa tal-Fgura.

Tlett ijiem wara li seħħ dan il-każ, mhux magħruf jekk l-amministrazzjoni tar-Residenza ħaditx passi, b’mod partikolari biex jiġi assigurat li inċidenti bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.