Kunsilli Lokali Lokali

​​Żieda fl-allokazzjoni finanzjarja lill-Kunsilli Lokali hija priorità assoluta – il-PN

I​l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li d-deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li waqt il-Laqgħa tas-Sindki kollha ta’ Malta u Għawdex li ser issir għada l-Ġimgħa 7 u s-Sibt 8 ta’ Novembru, ma jiddiskutix bħala priorità assoluta l-allokazzjoni finanzjarja lill-Kunsilli Lokali, bħala waħda ta’ tħassib serju. Dan jgħodd aktar u aktar meta l-Kunsilli huma fil-preżent xotti mill-finanzi u meta ninsabu ftit ġranet biss il-bogħod mit-tħabbira tal-Budget għas-sena 2015.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinnota b’dispjaċir li l-aġenda għal-Laqgħa tas-Sindki, li ntbaghtet mill-Assocjazzjoni tal-Kunsilli Lokali tlett ijiem biss qabel l-Laqgha, saret mingħajr konsultazzjoni mal-Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) u ntbgħatet mill-President Dr. Marc Sant u dan biss wara nsistenza tal-membri tal-AKL li jirrapreżentaw lil Partit Nazzjonalista. Dan seħħ kontra l-prassi li dejjem ġiet segwita. Ir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fl-AKL talbu biex tissejjaħ laqgħa urġenti tal-Eżekuttiv liema talba ma ntlagħatx mill-President minħabba li skont hu kellu mpenji oħra.

L-istqarrija tkompli tgħid li għalhekk il-Partit Nazzjonalista permezz tar-rapreżentanti tiegħu, qed jitlob li matul din il-laqgha jkun hemm ħin xieraq biex is-Sindki kollha ta’ Malta u Għawdex jkunu jistgħu jiddiskutu n-nuqqas ta’ fondi għall-Kunsilli Lokali. Fost oħrajn is-Sindki għandu jkollhom l-opportunità li jiddiskutu u jressqu l-proposti tagħhom direttament lill-Gvern dwar x’żieda għandu jkun hemm fl-allokazzjoni finanzjarja biex din tiġi fis-seħħ fil-Budget għas-sena 2015. Għandu wkoll jiġi diskuss kif jistgħu jinstabu metodi godda ta’ finanzjament tal-Kunsilli Lokali flimkien ma’ proposti ġodda li jsaħħu lill-Kunsilli Lokali u lil Kumitati Amministrattivi u li s-Sindki jixtiequ li jitħabbru fil-Budget 2015.

Barra minn hekk fl-aġenda li ntbagħatet għal-Laqgħa tas-Sindki ma jissemma xejn dwar ir-riforma fis-sistema tal-Infruzar Lokali li nbdiet is-sena l-oħra mill-Gvern Laburista, kif ukoll m’hemm xejn dwar it-titjieb meħtieġ fl-amministrazzjoni, il-ħaddiema u s-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli lokali.

Il-Partit Nazzjonalista jtemm jgħid li jawgura li l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali jbiddel l-aġenda b’mod li din tkun tassew tirrifletti dak li s-Sindki kollha ta’ Malta u Għawdex jqisu bħala temi li huma mportanti u li għalhekk għandhom jiġu diskussi fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali.