Lokali

Akkużi “differenti” għal uffiċjal viċin il-Ministru Konrad Mizzi

AĠĠORNAMENT (2)

Ħaddiem tal-Enemalta li allegatament seraq mijjiet ta’ ewro f’eletriku, mhux se jkun qed jiffaċja l-istess akkużi bħall-ħaddiema l-oħra li wettqu reati simili fl-aħħar snin.

Louis Attard (biċ-ċirku aħmar fir-ritratt), li huwa uffiċjal ‘viċin ħafna’ tal-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi, tressaq il-ġimgħa l-oħra akkużat fost l-oħrajn b’serq tad-dawl mid-dar tiegħu fil-Mosta u liema serq jammonta għal €2,329. Iżda fl-akkużi, il-Prosekuzzjoni ma nkludietx l-fatt li hu wettaq dan ir-reat fil-kariga tiegħu ta’ uffiċjal pubbliku.

Dan ifisser li Louis Attard se jkun qed jiffaċja akkużi differenti u li huma anqas gravi minn dawk li qed jiffaċjaw kollegi tiegħu li allegatament wettqu reati simili ta’ serq ta’ dawl u tixħim.

F’kummenti li għadda dalgħodu waqt il-Breakfast News ta’ Radio 101, id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino sostna li “xi ħadd irid iwieġeb” għal dan kollu. Pullicino saħaq illi l-istorja hija serja ħafna għax Attard huwa persuna viċin sew tal-Ministru Mizzi.