Il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li fl-impjieg ġdid li ngħata Cyrus Engerer fi Brussel, se jibqa’ jagħmel xogħol tal-istess natura li kien qed iwettaq fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-aħħar xhur.
Din il-konferma ta l-Prim Ministru fi tweġiba li ta fil-Parlament għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg.
Kienet il-gazzetta The Malta Independent li fl-aħħar ġimgħat żvelat li Cyrus Engerer u s-sieħeb tiegħu Randolph Debattista, ingħataw impjiegi f’karigi għolja fi Brussell mill-Gvern Malti.
Il-gazzetta wkoll irrappurtat li l-impjieg li għandu llum Cyrus Engerer, b’responsabbiltà li jikkoordina x-xogħol tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, daħal fis-seħħ minn xahar wara li kien instab ħati mill-Qorti, meta wkoll kellu jirtira l-kandidatura tiegħu minn kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
L-ispiża minfuqa, b’konnessjoni mal-ballot paper reprint riżultat tal-irtirar tal-kandidat Laburista Cyrus Engerer qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, kienet ta’ ftit inqas minn €50,000.
Fil-konfront ta’ Cyrus Engerer, il-Qorti tal-Appell Kriminali kienet sabet lill-kandidat Laburista Cyrus Engerer ħati li xerred ritratti pornografiċi tal-ekspartner tiegħu, ma’ persuni oħrajn biex ipattihielu talli telqu u javvelih ma’ sħabu u anke ma’ min iħaddmu. L-istess Qorti kienet tat sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs lil Cyrus Engerer.
24 siegħa wara s-sentenza tal-Qorti, Cyrus Engerer kien ingħata merħba ta’ eroj mill-Prim Ministru Joseph Muscat waqt attività tal-Partit Laburista. Attività li kienet indirizzata biss minn Muscat u minn Engerer stess, l-għada li ngħatat is-sentenza mill-Qorti.
U issa, kif kien ikkonfermat ukoll fil-Parlament, Cyrus Engerer se jibqa’ jagħmel l-istess natura ta’ xogħol fi Brussel li kien jagħmel meta kien impjegat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Is-sieħeb tal-lum ta’ Cyrus Engerer, Randolph Debattista, ukoll ingħata kariga għolja fi Brussell mill-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej.
Il-kariga ġdida li issa ngħata Randolph Debattista kienet ikkonfermata wkoll dan l-aħħar fil-Parlament mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej, Louis Grech, fi tweġiba li ta lid-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg.
//= $special ?>

