Editorjal

Editorjal: Il-Labour iwaqqaf rekord taż-żieda fid-dejn kemm ilna fl-UE

Il-Gvern Laburista għadu kemm waqqaf rekord tal-akbar żieda fid-dejn f’sena waħda. Id-dejn dejjem kien punt ta’ kritika kbira mil-Labour fl-oppożizzjoni. Imma issa l-Gvern ta’ Joseph Muscat għadu kemm għamel ir-rekord tal-akbar żieda fid-dejn kemm ilna fl-Unjoni Ewropea.

Il-kejl tad-dejn tal-Gvern skont il-kriterji tal-Unjoni Ewropea
Dan ir-rekord imwaqqaf mill-Prim Ministru Muscat joħroġ mill-istatistika dwar id-dejn tal-Gvern skont is-sistema li tuża l-Unjoni Ewropea u li fuqha tkejjel jekk gvern ikunx mar kontra l-kriterji li għandha.

Id-dejn fl-ewwel sena tal-Gvern Laburista żdied bi 370 miljun ewro…
L-Unjoni Ewropea għandha kriterji ċari li d-dejn tal-Gvern ma jistax jiżdied b’aktar minn 3 fil-mija ta’ dak li l-pajjiż jipproduċi f’sena u għalhekk tippubblika ċifri li juru kemm żdied id-dejn tal-pajjiż fis-sena li tkun għalqet. Dawn għadhom kemm ħarġu b’mod uffiċjali f’dal-ġranet u juru li fl-2013, fl-ewwel sena tal-Gvern Laburista, id-dejn tal-Gvern Malti żdied bi 370 miljun ewro fuq is-sena ta’ qabel.

…rekord kemm ilna li dħalna fl-Unjoni Ewropea
Kemm ilna li dħalna fl-Unjoni Ewropea – u allura kemm ilna li dħalna għall-impenn li d-dejn tal-Gvern tagħna ma jiżdiedx b’aktar minn 3 fil-mija ta’ dak li l-pajjiż jipproduċi f’sena – id-dejn tal-Gvern Malti qatt ma kien żdied b’daqstant.

Id-dejn qatt ma żdied b’daqstant, lanqas fil-kriżi dinjija li bdiet fl-2008
Minkejja li fl-ewwel snin tas-sħubija fl-Ewropa kellu jsir ristrutturar qawwi tal-ekonomija Maltija, minkejja li fl-2008 l-prezz taż-żejt kien tela’ għal rekord id-doppju tal-prezz li hu llum, minkejja li f’dik l-istess sena d-dinja bdiet għaddejja mill-agħar riċessjoni f’mitt sena, id-dejn tal-Gvern qatt ma kien żdied bi 370 miljun kif għadu kemm żdied fl-ewwel sena tal-Gvern Laburista.

L-aħħar ċifri juru żieda fid-dejn tirranka aktar fl-ewwel nofs tal-2014
Waqt li ħarġu ċ-ċifri għall-aħħar sena bil-kriterji Ewropej, ħarġu wkoll iċ-ċifri għal kif kompla jiżviluppa d-dejn tal-Gvern fl-ewwel nofs ta’ din is-sena. U dawn juru li sa Ġunju li għadda, id-dejn tal-Gvern kompla jiżdied b’rankatura saħansitra akbar.

Żieda rekord fid-dejn li l-Gvern Laburista għandu x’juri għaliha…
Għal dawn iż-żidiet rekord fid-dejn, il-Gvern Laburista ftit għandu x’juri. Għadhom kemm ħarġu ċifri li juru li l-Gvern fl-ewwel sena tiegħu żied il-piż tat-taxxi. Qed iżomm il-prezz tal-petrol u d-diesel ogħla minn kemm messu jkun. M’għandux proġetti għaddejjin ħlief dawk li qed tħallas għalihom l-Ewropa. Imma hemm ftit affarijiet li għandu x’juri dal-Gvern għar-rekord tad-dejn li għamel u l-ewlenija fosthom hi l-kabinett lussuż u l-ħatriet għal tal-qalba f’tellieqa bejniethom min jaħtaf l-aktar minn flus il-poplu.