EURO 2016: L-attakkant ta’ West Bromwich Albion Saido Berahino ġie mgħajjat għall-ewwel darba biex jifforma parti mill-iskwadra Ingliża li fil-15 ta’ Novembru se tilgħab kontra s-Slovenja f’dik li se tkun partite mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016.
Berahino, li twieled il-Burundi s’issa skurja seba’ gowls f’10 partiti fil-Premier dan l-istaġun. Flimkien ma’ Berahino hemm ukoll plejers bħal ma huma Michael Carrick, Stewart Downing u Theo Walcott. Minbarra l-logħba kontra s-Slovenja, l-Ingilterra se tilgħab logħba ta’ ħbiberija fit-18 ta’ Novembru kontra l-Iskozja.
Carrick kien tħalla barra mit-tim li fis-sajf li għadda ikkompeta fit-Tazza tad-Dinja tal-Brażil u dan l-aħħar ma kienx qed jilgħab minħabba li kellu injury fl-għaksa. Walcott se jkun qed jagħmel ir-ritorn tiegħu fl-iskwadra Ingliża wara li kien ilu 10 xhur barra minħabba injury serja li sofra f’irkopptu. F’kummenti li ta l-kowċ tal-Ingilterra Roy Hodgson qal li kien diġa’ qed jikkunsidra biex isejjaħ lil Berahino qabel ma l-Ingliżi lagħbu kontra l-Estonja u San Marino fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016.
“Kont diġa’ beħsiebni ngħajjatlu imma t-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena kellu żewġ partiti importanti mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej kontra l-Kroazja. Issa wasal il-waqt li jkun jifforma parti mit-tim tal-kbar,” qal Hodgson dwar Berahino.
Plejer li tħalla barra hu l-attakkant ta’ Liverpool Daniel Sturridge minħabba injury fil-pexxul. L-aħħar darba li Sturridge lagħab mat-tim nazzjonali kien f’Settembru meta dakinhar l-Ingliżi għelbet lill-Iżvizzera. Plejer ieħor ta’ Liverpool li tħalla barra kien Glen Johnson imma jidher li dan tħalla barra minħabba raġunijiet tattiċi u mhux minħabba xi injury.
Jekk Wayne Rooney jilgħab kontra s-Slovenja dan ikun qed jilbes il-flokk nazzjonali għall-mitt darba fil-karriera tiegħu. Bħalissa l-Ingilterra jinsabu fil-quċċata tal-grupp fejn kisbu tliet rebħiet minn daqstant partiti filwaqt li s-Slovenja qegħdin fit-tieni post b’żewġ rebħiet.
//= $special ?>

