Knisja Lokali

Filmat: Ir-Response Team tal-Kurja għandu jirriżenja – Fr Joe Borg

Hu skandaluż li r-Response Team tal-Kurja dam tmien snin suppost jinvestiga l-każ tal-allegat abbuż minn Fr Charles Fenech u għalhekk ir-Response Team għandu jirriżenja. Dan qalu Fr Joe Borg f’intervista fil-programm NewsFeed fuq NET Television. Hu fakkar fiż-żjara tal-Papa Benedittu XVI u l-laqgħa li kellu ma’ grupp ta’ rġiel li kienu abbużati minn Qassisin meta kienu iżgħar, kif ukoll li l-Papa u l-Isqfijiet bkew magħhom fuq dak li ġara.

Fr Joe Borg qal li kieku r-Response Team għamel xogħolu sew, il-ħsara li saret lil dawn il-vittmi ma kinitx tkompli tikber. Qal li sfortunatament, il-karatteristika tar-Response Team hi l-prokrastinazzjoni u minkejja dan kollu, l-istess nies għadhom hemm. Tenna li ma jafx kif in-nies li jagħmlu parti mir-Response Team jibqgħu fil-kariga tagħhom meta kemm l-Amministratur Appostoliku l-Isqof Charles Scicluna u l-President tal-Konferenza Episkopali Maltija l-Isqof Mario Grech ikkundannaw l-operat tar-Response Team.

Fr Joe Borg qal li madankollu, il-Knisja Maltija għandha tkun kburija għax minkejja d-dewmien fl-operat tiegħu, il-Knisja f’Malta kienet minn tal-ewwel li waqqfet Response Team tax-xorta tiegħu. Fakkar ukoll li kien hemm każ fejn Qassis kien akkużat u lliberat mill-Qorti, iżda l-Knisja xorta waqqfitu milli jippratika bħala Qassis għax, għalkemm ma nstabx ħati ta’ reat kriminali, xorta nstab li kellu imġieba li tmur kontra l-morali.