Il-Ħamis filgħodu fil-Ġnejna reġgħu ngħataw il-liberta’ Katusu u Edel – żewġ fkieren tal-baħar li kienu qed jiġu kkurati minn Nature Trust.
Katusu kien bela’ numru t’oġġetti tal-metall, fosthom washers, u għalhekk kellu bżonn li jitnaddaflu l-istonku. Dan ikkawżalu wkoll problemi fil-metaboliżmu. Meta nstab f’Lulju li għadda, Katusu kellu wkoll qata’ f’waħda minn saqajh li kellha tiġi kkurata.
Minn naħa l-oħra Edel instabet mgħaqqda f’nets u nylon f’Settembru li għadda u nżammet taħt osservazzjoni biex ikun żgurat li ma saritx ħsarat fil-muskoli tal-fekruna.
Il-ħelsien ta’ dawn il-fkieren saret fil-preżenza ta’ madwar disgħin tifel u tifla li pparteċipaw fil-kampanja ‘Adopt a Turtle’ organizzata min-Nature Trust.
MaltaRightNow tkellem ukoll ma’ Luca Mangion, tifel li ta’ spiss iżur it-Torri ta’ San Luċjan fejn ikunu kkurati l-fkieren tal-baħar. Kien għalhekk li bħala rikonoxximent tħalla jassisti lin-Nature Trust fil-ħelsien ta’ dawn il-fkieren.
Ara l-filmat t’hawn fuq bil-kummenti wkoll ta’ Edel Shanahan, tfajla Irlandiża li ilha għall-aħħar sena f’pajjiżna tassisti lin-Nature Trust.
Waħda mill-fkieren salvati, Edel, issemmiet propju għal Edel bħala rikonoxximent tal-ħidma tagħha.
//= $special ?>